Valletta St Paul’s telgħu fit-tieni post tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Balluta Barracudas 5-0.
Din kienet it-tielet rebħa staġjonali għat-tim mill-kapitali sabiex b’hekk qabżu lil Marsa St Michael li tilfu l-logħba tagħhom kontra San Ġwann Pro Evolution Academy
Valletta St Paul’s – Balluta Barracudas 5-0
Valletta St Paul’s jinsabu sitt punti bogħod mil-leaders Għaxaq Wolves hekk kif iddominaw il-partita tagħhom kontra Balluta Barracudas u rebħulhom 5-0.
Juan Esteban Ortega Zarate kien l-eroj għall-Beltin meta skorja żewġ gowls filwaqt li Jorge Enrique Carreno Diaz, Justin Grioli u Guillherme De Lima għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Min-naħa ta’ Balluta Barracudas huma jinsabu destinati li jiġu relegati għat-tieni diviżjoni wara li sofrew it-tmien telfa staġjonali.
Referee kien Ryan Agius.
Marsa St Michael – San Ġwann Pro Evolution Academy 3-4
San Ġwann Pro Evolution Academy ħasdu lil Marsa St Michael hekk kif għelbuhom 4-3 f’logħba ferm drammatika.
Il-Marsin kienu qed jirbħu 3-1 iżda lejn l-aħħar it-tim minn San Ġwann dawwar l-iskor favurih u eventwalment rebaħ din il-logħba u nqala’ miż-żona relegazzjoni.
Jooa Coutinho skorja doppjetta għal Marsa filwaqt li Ousmane Sidibe żied ieħor.
Louis Boulio skorja żewġ gowls b’Martin Marques Costa u Nathan Rochefefeville għaqqdu r-rimonta ta’ San Ġwann.
Referee kien Alex Grech.
San Ġiljan Saints – Valletta Stars St Dominic 0-2
Abba Auwal kien il-protagonista għal Valletta Stars St Dominic hekk kif skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 2-0 li huma kisbu. Dawn iż-żewġ gowls ippermettew lill-istess Auwal ikompli jsaħħaħ postu fil-quċċata tal-aqwa skorers tal-kompetizzjoni.
Min-naħa ta’ San Ġiljan Saints, is-sitwazzjoni xejn m’hi sabiħa hekk kif issa jinsabu t-tieni mill-aħħar u b’periklu li jiġu relegati wara ħafna snin fl-ogħla diviżjoni.
Referee kien Thomas Debono.
It-Tieni Diviżjoni
Naxxar Victorians – Ħamrun Sporting 2-3
Ħamrun Sporting reġgħu telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tat-Tieni Diviżjoni flimkien ma’ Birżebbuġa St Peter’s AFC wara li għelbu lil Naxxar Victorians 3-2.
Kienet logħba li ġiet deċiża fl-aħħar wara li l-iskor kien f’parita.
Ħamrun skorjaw il-gowls tagħhom minn awtogowl ta’ Braydon Aquilina u gowls ta’ Kyle Formosa u Junior Ohalewe. Naxxar kellhom lil Mohamed Abdelhamid u Gabriel Scerri li sabu x-xibka.
Referee kien Jonathan Balzan.
Mqabba Albions – Swieqi United AFC
Swieqi United AFC komplew fit-triq tal-progress wara li għelbu lil Mqabba Albions 6-1.
Protagonista għal Swieqi kien Suhail Manthrammal li kien awtur ta’ tripletta. Henri Philipee Gla skorja żewġ gowls filwaqt li Adigun Azeez Ogundepo wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.
Gildave Brignone naqqas l-iskor għal Mqabba.
Referee kien Miguel Francica
Attard Edex Kings – Ta’ Ġiorni Wanderers 6-1
Attard Edex Kings ixxalaw u għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 6-1 bil-protagonista ewlieni kien l-attakkant Brażiljan Felix Roberty li skorja ħames gowls. Lucas Carvalhom żied ieħor għal Attard.
Luke Taliana skorja l-uniku gowl għat-tim minn Ta’ Ġiorni.
Referee kien Christian Lia.
KLASSIFIKA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves – 26, Valletta St Paul’s – 20, Marsa St Michael – 19, Valletta Stars – 18, Senglea Gunners – 17, San Ġwann Pro Ev – 12, San Ġiljan Saints – 10, Balluta Barracudas – 3.
KLASSIFIKA IT-TIENI DIVIŻJONI
Birżebbuġa SP AFC – 9, Ħamrun Sporting – 9, Attard Edex Kings – 7, Swieqi United AFC – 7, Naxxar Victorians – 3, Gudja Wanderers – 2, Mqabba Albions – 1, Ta’ Ġiorni W – 1.

