Monday, February 3, 2025

MAFA: Valletta St Paul’s u Marsa St Michael iżommu l-konsistenza

Aqra wkoll

Żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-partita taw rebħa liċ-champions Valletta wara li għelbu lil Mqabba Albions sabiex issa jinsabu punt biss bogħod mil-leaders tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni Għaxaq Wolves. Mill-banda l-oħra, Marsa St Michael’s baqgħu konsistenti u għadhom jissieltu għall-unur finali wara li b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers.

Fit-tieni diviżjoni, iż-żewġ logħbiet bejn l-ewwel erba’ timijiet fil-klasssifika spiċċaw fi draw filwaqt li l-leaders tat-tielet diviżjoni Swieqi United AFC sfaw miżmuma fi draw minn Naxxar Victorians.

Mqabba Albions – Valletta St Paul’s 0-2

Iċ-champions Valletta St Paul’s xejn ma sabuha faċli sabiex jirbħu lit-tim tal-qiegħ Mqabba Albions 2-0. Kienet logħba fejn it-tim immexxi minn Kevin Bugeja iddefenda sew u ftit ħalla lill-attakkanti ta’ Valletta jagħmlu li jridu.

Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin ħarġu iktar aggressivi iżda bejn il-bravuri tad-difiża ta’ Mqabba u bejn xi ċansijiet mitlufa, l-iskor infetah lejn l-aħħar tal-partita meta kien Ian Zammit li skorja doppjetta personali fis-67 u d-69 minuta.

B’din ir-rebħa Valletta St Paul’s jinsabu biss punt bogħod mill-quċċata.

Referee kien Jean Pierre Sammut.

Marsa St Michael – Ta’ Ġiorni Wanderers 2-0

Marsa St Michael irrispondew b’rebħa ta’ 2-0 kontra t-tim ta’ qabel tal-aħħar Ta’ Ġiorni Wanderers. Kienet logħba li l-Marsin kienu superjuri fil-pussess b’Ta’ Ġiorni li addottaw pjan difensiv sabiex jippruvaw iżommu ‘l bogħod lill-attakkant perikolużi avversarji.

Marsa marru minn fuq eżatt fil-ħin mogħti żejjed qabel tmiem l-ewwel taqsima minn Darko Todorovski sabiex sitt minuti minn tmiem il-partita Petar Kanzurov irdoppja l-iskor.

B’din ir-rebħa, Marsa St Michael baqgħu tliet punti bogħod mill-quċċata.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Birżebbuġa St Peter’s AFC – Valletta Stars St Dominic 2-2

Fl-iktar partiti importanti mit-tieni diviżjoni, Birżebbuġa St Peter’s u Valletta Stars St Dominic spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Kienet partita fejn it-tim minn Birżebbuġa kien 2-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima, bit-tieni 35 minuta li fiha kien hemm ir-reazzjoni tal-Beltin tant li ġabu l-iskor indaqs.

L-aqwa skorer tal-kampjonat Junior Ohalewe poġġa lit-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta minn fuq fl-14-il minuta sabiex Oussama Boutayeb irdoppja l-iskor fil-31 minuta.

Fit-tieni taqsima, il-Beltin inbidlu mil-lejl għan-nhar u wara li Federico Marine skorja gowl minn penalty, awtogowl ta’ Ahmed Naser ġab l-iskor indaqs.

Referee kien Ray Tabone.

Senglea Gunners – Attard Edex Kings 2-2

F’logħba oħra li tikkonċerna n-naħa ta’ fuq tal-klassifika, Attard Edex Kings u Senglea Gunners temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2.

Senglea kienu minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima, iżda Attard wettqu reazzjoni għalkemm kellu jkun fl-aħħar li salvaw punt minn dan il-konfront.

Glenn Bonello kien il-protagonista għas-Sengleani meta skorja doppjetta bi Juan Letrado Salazar u Luca Camilleri jiskorjaw il-gowls għal Attard.

Referee kien Gordon Barbara.

Naxxar Victorians – Swieqi United AFC 1-1

F’partita mit-tielet diviżjoni, il-leaders Swieqi United AFC tilfu r-rekord perfett tagħhom meta sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Naxxar Victorians.

Kienet l-aħjar logħba tal-Victorians li żammew il-furja tal-avversarji filwaqt li bdew itellgħu kontrattakki perikolużi.

Swieqi marru minn fuq permezz tal-aqwa skorer tagħhom David Taiwoo Akindelle iżda f’nofs it-tieni taqsima, Keith Zammit Tabona skorja l-gowl tad-draw għal Naxxar.

Referee kien Karl Stefan Galea.

Għaxaq Wolves – Gudja Wanderers 3-0

F’partita mill-ewwel round tal-MAFA KO, Għaxaq Wolves ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lit-tim mit-tieni diviżjoni Gudja Wanderers.

F’dan id-derby bejn żewġ timijiet viċin xulxin irriżulta f’wieħed ta’ pussess qawwi mill-Għaxqin bil-Gudjani li ttantaw xortihom b’kontrattakki.

L-eroj ta’ Għaxaq kien l-attakkant Brażiljan Diego Fernando Pereira li skorja doppjetta fis-26 u t-33 minuta sabiex lejn l-aħħar is-sostitut Sebastian Nayar skorja gowl sabiħ mid-distanza.

Referee kien Lorry Sammut.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 22, Valletta St Paul’s 21, Marsa St Michael’s 19 Balluta Barracudas 12, San Ġiljan Saints 8, San Ġwann Pro Evolution 6, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 17, Senglea Gunners 15, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Attard Edex Kings 13, Żebbuġ Youngsters 10, Ħamrun Amateurs 6, Gudja Wanderers 4, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 19, Qajjenza AFC 10, St Paul’s Bay NMFC 7, Naxxar Victorians 6, Mosta Vikings 0.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport