Marsa St Michael u Valletta St Paul’s temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro ta’ 0-0 fl-iktar logħba mistennija mill-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni.
Kienet logħba pjaċevoli biż-żewġ timijiet li ma qagħdux lura milli jattakkaw bil-Beltin li bdew joħolqu diversi ċansijiet iżda sabu lill-gowlkiper Jurgen Cilia f’forma mill-aqwa hekk kif salva dak li ġie għal idejh.
Min-naħa tagħhom, Marsa bdew itellgħu kontrattakki u resqu viċin permezz ta’ tentattiv ta’ Dickson li spiċċa kemm kemm għoli.
Minkejja li ppruvaw, l-ebda tim ma nifed il-lasta opposta sabiex Marsa baqgħu jżommu l-ewwel post b’Valletta li kisbu t-tieni dro konsekuttiv.
Referee kien Jean Pierre Mifsud
Senglea Gunners naqqsu milli japprofittaw minn dan ir-riżultat hekk kif tilfu l-logħba tagħhom kontra Tal-Qroqq Versity Kamelasa 1-0.
Wara li l-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls, fit-tieni 35 minuta ż-żewġ naħat komplew jattakkaw b’Tal-Qroqq Versity Kamelasa jiskorjaw il-gowl rebbieħ permezz ta’ Jens Christoph Schmieg.
Minkejja t-telfa, it-tim mill-Kottonera baqa’ jżomm it-tieni post tal-klassifika, żewġ punti bogħod mil-liders Marsa.
Referee kien Lorry Sammut.
San Ġiljan Saints irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 1-0. Iċ-champions xejn ma sabuha faċli kontra l-istudenti Franċiżi li bdew itellgħu kontrattakki perikolużi bħas-soltu mmexxija minn Swann Vachet.
Minkejja kollox, il-gowl ġie skorjat in-naħa l-oħra hekk kif Radu Vlase skorja l-ewwel gowl personali tal-istaġun filwaqt li għeleb lill-gowlkiper ta’ San Ġwann.
Referee kien Reno Galea.
Mqabba Albions tilfu ċ-ċans li jitilgħu fit-tieni post tal-klassifika, meta setgħu jiġu biss fi dro ta’ 1-1 kontra Żebbuġ Youngsters. Għal dawn tal-aħħar dan kien l-ewwel punt staġjonali, b’Imqabba li naqsu milli jirbħu għat-tielet logħba konsekuttiva.
Żebbuġ marru fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Luca Gatt b’Imqabba li mal-ftuħ tat-tieni taqsima ġabu l-iskor indaqs grazzi għal Jean Alesi Spiteri.
Mqabba bdew jassedjaw il-lasti avversarji iżda ż-Żebbuġin żammew sod sabiex ħarġu bl-ewwel punt staġjonali.
Referee kien Jonathan Balzan.
Għaxaq Wolves telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tielet diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Attard Edex Kings 3-1. Inċidentalment din kienet ukoll l-ewwel telfa tat-tim Indjan wara sensiela ta’ erba’ logħbiet pożittivi.
Wara taqsima fejn ma kellniex gowls, l-Għaxqin għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru minn fuq fl-44 minuta permezz ta’ Christian Cassar. L-istess plejer irdoppja l-iskor tmien minuti wara b’Carl Dalli li saħansitra jagħmilhom 3-0 minn penalty.
Attard naqqsu l-marġni tal-iskor fit-63 minuta permezz ta’ Miguel Acevedo Ramirez.
Referee kien Georgi Bitri.
Gowl uniku ta’ Kirandas Kholatiparambil kien biżżejjed sabiex Buġibba Club de Swat jirritornaw għar-rebħ kontra Fgura Spartans.
Wara taqsima mingħajr gowls, Buġibba ħarġu aggressivi fit-tieni taqsima u kien biss fit-58 minuta li sabu x-xibka sabiex issa telgħu fit-tieni post tal-klassifika.
Referee kien Alex Grech
KLASSIFIKA – MOCHIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Marsa St Michael 11, Senglea Gunners 9, Valletta St Pauls 8, San Ġwann Pro Evolution Academy, Mqabba Albions, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 7, San Ġiljan Saints 6, Żebbuġ Youngsters 1
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 9, Buġibba Club de Swat, Attard Edex Kings 8, Gżira United SC 6, Fgura Spartans 5, Ħamrun Amateurs 0