Sunday, November 10, 2024

MAFA: Valletta Stars fit-tieni post wara rebħa fuq Birkirkara St Joseph

Aqra wkoll

Valletta Stars kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta għelbu l-isfida ta’ Birkirkara St Joseph 3-1. Il-Beltin kienu gowl minn taħt iżda għarfu jżommu l-konċentrazzjoni sabiex mal-ħin qalbu r-riżultat favurihom.
Kienu Birkirkara St Joseph li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Vladimir Pajic li approfitta minn żball difensiv sabiex xeħet il-ballun fix-xibka. 

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Istilel Beltin ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ frikik mill-isbaħ ta’ Carlos Alonso li ssoprenda lil Brandon Muscat bejn il-lasti Karkariżi. 

It-tieni taqsima kienet waħda pożittiva għall-Beltin li skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Mohammed Abdukadir u Alieu Bah.  

Referee kien Jason Penza 

B’din ir-rebħa, Valletta Stars telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika, erba’ punti bogħod mil-liders Swieqi Braves li ġabu fix-xejn lil Gudja Wanderers tant li rebħulhom 6-0.  

Lucas Barcik u Bruno Menezes skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Felipe Teixeira u Italo Dos Santos żiedu l-iskor għall-istudenti Brażiljani. 

Referee kien Pasquale D’Errico. 

Ta’ Ġiorni Wanderers ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom wara li għelbu lil Naxxar Victorians 3-1. Dawn tal-aħħar marru minn fuq wara biss żewġ minuti permezz ta’ Fabrizio Farrugia bil-Wanderers li ġabu l-iskor indaqs kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ Alexis Manthos.  

Ta’ Ġiorni kienu motivati li jiksbu t-tliet punti u rnexxielhom jagħmlu dan hekk kif Samuel Barthet u Edward Micallef Stafrace żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. 

Referee kien Jason Penza. 

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ħamrun Amateurs u Gżira United Sports Club kisbu punt kull wieħed wara dro ta’ 2-2.  

Kien Axel Debono li poġġa lill-Ħamruniżi fil-vantaġġ sabiex Jason Camilleri għamilhom 1-1 għal Gżira.  

Fit-tieni taqsima, Jurgen Buhagiar wettaq awtogowl sabiex poġġa lil Gżira minn fuq għalkemm Ħamrun Amateurs ma kinux lesti li jarmu x-xugaman tant li ġabu l-iskor indaqs minn Andriy Camilleri. 

Referee kien Karl Galea. 

Sport