Saturday, October 26, 2024

MAFA: Żebbuġ Youngsters jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima ta’ Jason Woodhead kienu biżżejjed sabiex Żebbuġ Youngsters jerġgħu jirritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Mosta Vikings.

Din ir-rebħa kienet fundamentali għalihom sabiex baqgħu fil-quċċata tal-klassifika filwaqt li żammew it-tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom San Ġwann Pro Evolution Academy li min-naħa tagħhom kisbu rebħa kbira fuq Mqabba Albions.

Żebbuġ Youngsters għelbu lil Mosta Vikings 2-0 bil-logħba tilħaq il-qofol tagħha fit-tieni taqsima.

L-ewwel taqsima ma kinitx faċli għaż-Żebbuġin hekk kif l-avversarji Mostin iddefendew sa snienhom sabiex l-iskor intemm 0-0 qabel l-intervall.

Fit-tieni taqsima, il-Youngsters fetħu bil-kbir u marru fil-vantaġġ fit-43 minuta meta Jason Woodhead irċieva tajjeb mingħand Rodriguez sabiex wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper b’xutt fil-baxx xeħet il-ballun fix-xibka.

Mas-siegħa logħob, iż-Żebbuġin irduppjaw l-iskor u reġa’ kien Woodhead li ħa l-ballun mal-linja leminija u llobbja minn fuq il-gowlkiper sabiex għamel l-iskor finali ta’ 2-0.

Referi kien Lorry Sammut.

Fil-partita tal-ġimgħa, San Ġwann Pro Evolution Academy ġabu fix-xejn lil Mqabba Albions tant li rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 5-0.

L-Imqabbin kienu d-dell tat-tim li tant impressjona kontra Żebbuġ Youngsters u ftit setgħu jagħmlu kontra l-furja tal-avversarji li marru minn fuq wara żewġ minuti logħob permezz ta’ Alexander Courroux.

Fit-28 minuta, Raphael Courroux irdoppja l-iskor sabiex żewġ minuti wara Louis Swann Vachet għamel l-iskor 3-0 qabel l-intervall.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel b’San Ġwann li baqgħu jattakkaw b’Alexander Courroux u Raphael Courroux jerġgħu jiskorjaw sabiex jgħaqqdu doppjetta personali.

Referi kien Alex Grech.

Balluta Barracudas tħabtu aktar milli mistenni sabiex għelbu lit-tim tal-qiegħ Żejtun Laċċi 3-2. Dawn it-tliet punti għenuhom sabiex jitilgħu fit-tielet post sabiex b’hekk qabżu lil Mqabba Albions.

Kienet logħba fejn il-Cudas ippruvaw jiddominaw il-pussess iżda b’Żejtun li qatt ma qatgħu qalbhom u minkejja l-wirja kbira tagħhom, xorta waħda spiċċaw b’idejhom vojta minn din il-partita.

Kienu Żejtun li marru minn fuq minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Glenn Formosa għalkemm it-tim mill-Balluta mal-ewwel wettaq reazzjoni u ġab l-iskor indaqs permezz ta’ Jorge Benites.

Fit-tieni taqsima, Balluta Barracudas ħarġu tajjeb u skorjaw it-tieni gowl grazzi għal Jamie Dimech bi Juan Scerri li reġa’ ġab l-iskor indaqs.

Madankollu l-Laċċi ftit kellhom ċans jifirħu li ma wasalx il-gowl li ta t-tliet punti lil Cudas skorjat minn Andrew Tortell.

Referi kien Jason Penza.

Naxxar Victorians reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Fgura Spartans 1-0. Kienet partita fejn in-Naxxarin bdew jattakkaw iżda sabu lill-Ispartans li ddefendew sew għalkemm kellhom iċedu fl-34 minuta meta Nwankwo Moses Chijoke tefa’ l-ballun fix-xibka sabiex skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

Referi kien Joe Camilleri.

F’logħba waħda li kellna mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Żabbar Southsiders naqqsu milli jitilgħu fl-ewwel post tal-klassifika meta setgħu jiġu biss dro ta’ 0-0 kontra Gudja Wanderers. Kienet logħba li ftit kellha emozzjonijiet biż-żewġ difiżi l-protagonisti prinċipali.

Referi kien Jean Pierre Mifsud.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Żebbuġ Youngsters 30, San Ġwann Pro Evolution Academy 27,Balluta Barracudas 24, Mqabba Albions 22, Naxxar Victorians 12, Fgura Spartans, Mosta Vikings 6, Żejtun Laċċi 1     

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi Braves 18, Ta’ Ġiorni Wanderers, Żabbar Southsiders 17, Floriana Fsobians 13, Birkirkara St Joseph, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Sparks 4 

Sport