Friday, December 13, 2024

MAFA: Żebbuġ Youngsters viċin il-promozzjoni

Aqra wkoll

Żebbuġ Youngsters jinsabu pass biss ‘il bogħod milli jiksbu l-promozzjoni għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Żejtun Laċċi 4-1.

Ir-rivali tagħhom San Ġwann Pro Evolution Academy baqgħu jżommu l-pass wara rebħa lejn l-aħħar kontra Mosta Vikings filwaqt li Mqabba Albions u Balluta Barracudas għamlu dak li kien mistenni minnhom mill-partiti kontra Naxxar Victorians u Fgura Spartans.

Interessanti n-naħa t’isfel tal-klassifika hekk kif Żejtun Laċċi huma viċin ħafna li jiġu relegati filwaqt li kollox jibqa’ kif inhu bejn Mosta Vikings u Fgura Spartans li għandhom sitt punti fil-post ta’ qabel tal-aħħar.

Żebbuġ kellhom l-ideat ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Leonardo da Silva Rodriguez.

Iż-Żwieten kellhom reazzjoni f’waqtha u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Norman Hill.

Man-nofs siegħa logħob, il-Youngsters skorjaw it-tieni gowl tagħhom permezz ta’ Fared Mras bl-ewwel taqsima li għalqet 2-1 favurihom.

Fit-tieni taqsima, iż-Żebbuġin ħarġu aggressivi u bejn it-48 u t-52 minuta għalqu l-logħba b’żewġ gowls wieħed isbaħ mill-ieħor ta’ Jason Woodhead u Fared Mras.

Referi kien Lorry Sammut.

San Ġwann Pro Evolution batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lil Mosta Vikings 1-0. Dawn tal-aħħar kellhom wirja tajba ferm fejn iddefendew sa snienhom u taw biċċa xogħol diffiċli lill-istudenti Franċiżi sabiex jimponu l-logħob tipiku tagħhom.

B’din ir-rebħa, it-tim minn San Ġwann baqa’ tliet punti bogħod mill-avversarji Żebbuġin 15-il ġurnata qabel il-konfront dirett kontrihom.

Il-gowl l-aktar importanti għal Pro Evolution Academy ġie skorjat lejn l-aħħar tal-partita grazzi għal Raphael Courroux.

Referi kien Joe Camilleri.

Anke Balluta Barracudas xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lil Fgura Spartans bl-iskor minimu ta’ 1-0. Il-Fgurin kienu ferm kumpatti fid-difiża għalkemm Balluta li kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun tilfu diversi ċansijiet lejn il-lasti avversarji.

Dawn it-tliet punti żammew lil Cudas fit-tielet post tal-klassifika u hekk kif fadal żewġ logħbiet għat-tmiem għadhom fit-tiġrija għall-promozzjoni.

Kien mas-70 minuta logħob li t-tim mill-Balluta skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Matthew Tortell.

Referi kien Reno Galea.

Mqabba Albions reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Naxxar Victorians 2-1. Kienet logħba li laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel taqsima hekk kif l-Albions skorjaw il-gowls li kkaraterizzaw dan ir-riżultat. Amadeo Brincat poġġa lill-Imqabbin fil-vantaġġ fid-29 minuta sabiex Miguel Grima rdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Naxxar reġgħu daħlu fil-logħba fit-42 minuta hekk kif ingħataw penalty li ġie skorjat minn Fabrizio Farrugia.

Minkejja l-isforzi ta’ Naxxar sabiex jippruvaw jieħdu punt minn din il-partita, Mqabba Albions iddefendew bi ħġarhom sabiex baqgħu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

Referi kien Georgi Bitri.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Gudja Wanderers komplew bil-mument pożittiv tagħhom meta għelbu lil Birkirkara St Joseph 2-1. B’din ir-rebħa, il-Gudjani qabżu lill-istess Karkariżi fil-klassifika hekk kif issa għandhom disa’ punti minn għaxar logħbiet.
Owen Amato poġġa lil Wanderers fil-vantaġġ wara ħames minuti logħba sabiex kmieni fit-tieni taqsima Neil Baldacchino rdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Birkirkara St Joseph naqqsu l-marġni tal-iskor grazzi għal Miguel Grech.

Referi kien Peter Abela.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Żebbuġ Youngsters 33, San Ġwann Pro Evolution Academy 30 ,Balluta Barracudas 27, Mqabba Albions 25, Naxxar Victorians 12, Fgura Spartans, Mosta Vikings 6, Żejtun Laċċi 1  

KLASSIFIKA MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi Braves 21, Ta’ Ġiorni Wanderers, Żabbar Southsiders 17, Floriana Fsobians 13, Gudja Wanderers 9, Birkirkara St Joseph 6, Ħal Far Sparks 4   

Ekonomija

Sport