“Meta nitkellmu dwar kif jinħatar Prim Imħallef, ħafna drabi nisimgħu l-argument li jekk dan jinħatar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-parlament, il-proċess ikun “aktar demokratiku” milli jekk ikun hemm maġġoranza sempliċi. Smajna lil min saħansitra jgħid illi jekk ma jkunx maħtur b’żewġ terzi dan ifisser li l-gvern dittatur!!”
Dan esprimietu ma’ L-Orizzont, l-Avukat Deborah Schembri, meta mitluba kummenti dwar is-sitwazzjoni preżenti li tirrigwardja l-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.
Hija qalet illi fil-verità, il-vot biż-żewġ terzi m’għandux x’jaqsam mad-demokrazija, għaliex l-intenzjoni warajh hi li jkun l-istabbiltà istituzzjonali.
“F’sistema demokratika, id-deċiżjonijiet jittieħdu bil-maġġoranza – jiġifieri 50% + 1. Dan jirrifletti r-rieda tal-maġġoranza tal-elettorat u għalhekk ma jkun hemm xejn anti demokratiku jew dittatorjali li kieku anki l-prim imħallef kellu jinħatar hekk. Minn perspettiva purament demokratika, maġġoranza sempliċi diġà hija kompletement leġittima.
“Meta pajjiż jagħżel li jitlob żewġ terzi tal-voti, ma jkunx qed jagħmel il-proċess aktar demokratiku. Dak li jkun qed jagħmel hu li jgħolli l-livell ta’ qbil meħtieġ bejn il-partiti politiċi. Fi kliem ieħor, qed joħloq sistema li tħeġġeġ kunsens aktar wiesa’,” qalet Dr Schembri.
Hija żiedet tgħid li dan huwa importanti speċjalment għal karigi sensittivi bħall-ogħla imħallef tal-pajjiż, għax persuna maħtura b’appoġġ minn naħat differenti tal-politika tkun meqjusa aktar stabbli fit-tul għaliex jekk jinbidel il-gvern xorta tibqa’ tgawdi l-appoġġ taż-żewg naħat tal-kamra.
“Allura l-punt ewlieni huwa dan: Żewġ terzi ma jfissirx aktar demokrazija – ifisser aktar stabilità istituzzjonali.
“Hija għodda biex tinbena fiduċja fl-istituzzjonijiet, mhux biex tinbidel ir-regola bażika tad-demokrazija.
“Il-problema bis-sitwazzjoni preżenti hi illi f’isem l-istabbilità fit-tul qed tiġi kompromessa il-ħatra nfisha u l-proċess demokratiku nnifsu.
“Għalhekk anti deadlock mechanism, jiġifieri x’mekkaniżmu għandu jintuża fil-każ li l-qbil jibqa’ ma jintlaħaqx, għandu jkun wieħed li jerġa’ jirreverti għal maġġoranza sempliċi… għaliex primarjament, qabel kull ħaġa oħra, għandha tirrenja d-demokrazija biex isseħħ ir-rieda tal-poplu.
Hawnhekk ta’ min jghid illi dak propost mill-oppożizzjoni u ċioe illi f’nuqqas ta qbil jinħatar kumitat biex jieħu d-deċiżjoni hu minflok il-parlament, huwa l-anqas metodu demokratiku possibbli għaliex tali kumitat ma vvutax għalih il-poplu f’elezzjoni.
“Dan il-gvern, elett demokratikament, għandu d-dmir jiggverna u għandu kull intenzjoni li jibqa’ jaqdi dmirijietu fl-aħjar interess tal-pajjiż… bil-kontribut, fejn meħtieġ, tal-oppożizzjoni, jew mingħajru!!” temmet tgħid Dr Schembri.

