Saturday, December 28, 2024

Magħmudija bħal din hija normali … u ssir anke barra minn Malta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem il-Parroċċa tal-Għasri ppubblikat filmat fuq il-midja li juri magħmudija li xi persuni interpretaw bħala magħmudija b’differenza. Dan hekk kif fil-Velja tal-Għid, żewġ persuni daħlu fil-Knisja permezz ta’ dan is-sagrament.

Dan is-sit irċieva reazzjonijiet varji dwar dan il-proċess fosthom dawk li staqsew jekk jittiħdux l-prekawzjonijiet biex titħares is-saħħa tagħha hekk kif din dehret titniżżel taħt l-ilma. Oħrajn staqsew dwar it-temperatura tal-ilma anke minħabba l-età tat-tarbija.

Talk.mt għamlet kuntatt mal-Kappillan Dominic Sultana li min-naħa tiegħu kkonferma li biex dawn iż-żewġ persuni tgħammdu, ġew imħarsa l-protokolli kollha.
Huwa spjegalna li l-proċess tal-magħmudija imsejjah b’immersjoni hija xi ħaġa normali fl-istorja tal-knisja u li normalment isseħħ meta jkun se jitgħammed adult. Fl-aħħar snin fid-Djoċesi ta’ Għawdex saru magħmudijiet b’dan il-mod u f’dan l-istess battisteru fil-Parroċċi ta’ San Lawrenz, fix-Xagħra, il-Qala u f’San Gorg. F’Malta l-magħmudija tat-trabi b’immersjoni hi komuni hafna fil-kuntest tal-Grupp Neo Katekumenli. Huwa kkonferma magħna wkoll rigward il-protokoll li jħares l-iġene tal-persuni li jkunu se jitgħammdu tant li l-voluntiera stess marru għal dan il-battisteru, naddfuh u wara li imtela bl-ilma, dan ġie ċċertifikat min espert tal-pools. Rigward it-temperatura, huwa qalilna li l-istess battisteru jinkludi teknoloġija li kapaċi tirregola t-temperatura tal-ilma wkoll.

Barra minn hekk, din mhix xi ħaġa li qiegħda ssir darba jew tnejn f’pajjiżna, iżda kellu jkun il-filmat li jesponi dan il-metodu li huwa prattika normali anke f’pajjiżi ġirien tagħna bħalma huwa l-Italja b’mod speċjali fil-Knejjes li nbnew wara s-snin sebgħin, fejn battisteri simili huma fissi fil-knejjes u jintużaw b’mod regolari kemm għall-magħmudijiet tal-adulti kif wkoll tat-trabi.

Ekonomija

Sport