Monday, March 2, 2026

Magħruf it-tim Malti għall-Kampjonati tal-Bowling tal-Mediterran f’April

Aqra wkoll

Sar magħruf it-tim Malti li se jieħu sehem fil-Kampjonati tal-Bowling tal-Mediterran f’April li ġej.

Iż-żewġ irġiel u ż-żewġ nisa li se jirrappreżentaw lil Malta ntgħażlu wara turnew ta’ kwalifikazzjoni ta’ 24 logħba li sar matul l-aħħar żewġ tmiem il-ġimgħa fis-Superbowl.

Tiziana Muscat Carannante u Cynthia Frendo Duca kkwalifikaw fl-ewwel żewġ postijiet għan-nisa, b’Melissa Swift tispiċċa fit-tielet post, wara taqtiegħa bejn it-tlieta mill-ewwel jum. Muscat Carannante żammet l-aħjar logħob għall-aħħar jum; kienet fit-tielet post wara l-ewwel 18-il logħba 102 pin wara Frendo Duca, iżda mbagħad fl-aħħar 6 logħbiet ratha tilgħab medja ta’ 216 biex telgħet fl-ewwel post.

Swift iġġieldet bis-sħiħ biex tnaqqas id-distakk minn Frendo Duca, u kienet irnexxielha terġa’ lura wara l-ewwel żewġ logħbiet fl-aħħar jum; madankollu Frendo Duca mbagħad sabet il-forma tagħha mill-ġdid u d-distakk reġa’ kiber għal 63 pin fl-aħħar. Celianne Micallef ta’ 17-il sena spiċċat fir-raba’ post.

Fil-kategorija tal-irġiel, iċ-champion nazzjonali Nicolai Mallia beda fl-ewwel post mill-bidu u spiċċa b’medja stellari ta’ 240, 301 pin qabel Kayden Lagana’ fit-tieni post, b’medja ta’ 228.

It-taqbida għat-tieni post kienet miftuħa sal-bidu tal-aħħar jum, b’Miguel Xuereb, Matthew Magro, Mauro Anastasi kollha f’distanza qasira. Madankollu, Lagana kien l-aqwa bowler fl-aħħar jum, b’total ta’ 1415, biex spiċċa 212-il pin ’il quddiem minn Xuereb. Magro spiċċa fir-raba’ post, pin wieħed biss wara Xuereb. Xi logħbiet kbar intlagħbu matul dawn l-24 logħba minn ħafna bowlers, l-ogħla waħda kienet 299 minn Nicolai.

L-MBC, kampjonat prestiġjuż li fih Malta dejjem tibbrilla, anke kontra potenzi kbar bħal Franza, l-Italja, il-Greċja, it-Turkija u Spanja, se jsir fil-Kroazja bejn is-26 ta’ April u t-3 ta’ Mejju.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport