Fuq il-palk ta’ Liverpool, illejla saret it-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest li matulha ħadu sehem 16-il pajjiż u minnhom għaddew għaxra għas-serata finali tas-Sibt li ġej.
Dawn huma l-Albanija, Ċipru, l-Estonja, il-Belġju, l-Awstrija, il-Litwanja, il-Polonja, l-Awstralja, l-Armenja u l-Islovenja. Dawn se jkunu qed jingħaqdu mal-10 pajjiżi li għaddew it-Tlieta li għadda fl-ewwel semi finali – il-Kroazja, il-Moldova, l-Iżvizzera, il-Fillandja, ir-Repubblika Ċeka, l-Iżrael, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Serbja u n-Norveġja.
Ma’ dawn l-20 pajjiż jingħaqdu ħames pajjiżi oħra magħrufa bħala l-Big 5 li huma Franza, l-Italja, Spanja, il-Ġermanja u r-Renju Unit flimkien mal-Ukrajna, il-pajjiż li rebaħ il-Eurovision is-sena li għaddiet. Din is-sena, il-Eurovision qed isir fir-Renju Unit minflok fl-Ukrajna għal raġunijiet ta’ sigurtà minħabba l-invażjoni Russa f’dak il-pajjiż.
Malta ħadet sehem fl-ewwel semi finali tal-Eurovision bil-kanzunetta “Dance (Our Own Party)” tal-grupp The Busker iżda sfortunatament ma għaddietx għall-finali.