Friday, May 23, 2025

Magħrufa l-ewwel ħames rebbieħa tal-Euro Tour 2025

Aqra wkoll

Il-Malta Blackball Federation organizzat l-ewwel turnew ta’ kwalifikazzjoni għal EURO 2025 fejn matul il-Ħamis filgħaxija ntlagħbu l-finali tal-kategoriji rispettivi. Dan kollu sar fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara fejn kien hemm logħob ta’ livell għoli.

Denzel Falzon kellu wirja tajba meta għeleb lil Dielyn Edwards bl-iskor ta’ 9-6. Il-ħila strateġika u l-kalma li wera fis-sessjonijiet kollha kienu l-ingredjenti prinċipali li wassluh għal dan is-suċċess minkejja li Edwards dejjem baqa’ wara l-avversarju tiegħu.

Steven Muscat kompla b’wirjiet ta’ klassi għolja fil-kategorija taħt it-23 sena, fejn għeleb lil Liam Mifsud bl-istess skor ta’ 9-6.

Fil-finali tal-irġiel, Mevrick Zammit u Johan Attard taw spettaklu veru, b’Zammit joħroġ rebbieħ b’10-8 wara li t-tnejn li huma kienu qed jalternaw il-vantaġġ.

Lee Grima kellu sfida diffiċli kontra Chris Tabone, iżda rnexxielu jirkupra lejn tmiem il-logħba u jakkwista rebħa drammatika ta’ 10-9 fil-kategorija 40+, .

Il-finali tal-Grand Masters (60+) kienet waħda ferm bilanċjata, għalkemm John Lombardo kellu l-aktar preċiżjoni fuq il-mejda u għeleb lil Marcel Micallef 8-7.

Ir-rebbieħa issa se jiffurmaw parti mit-timijiet nazzjonali rispettivi li se jirrappreżentaw lil Malta fil-Euro Blackball Championships 2025, li se jsiru f’Ennis, l-Irlanda f’Novembru.


ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport