Magħrufa l-kwarti finalisti tat-tazza BOV 70 anniversarju tal-MAFA hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet intlagħab ir-round tas-sittax.
Marsa St Michael, Senglea Gunners, San Ġiljan Saints, Balluta Barracudas, Birżebbuġa St Peter’s u Għaxaq Wolves ingħaqdu ma’ St Paul’s Bay NMFC u San Ġwann Pro Evolution Academy li kienu diġa’ qatgħu passaġġ ġimgħa qabel.
Il-holders Marsa St Michael għelbu lill-ġirien Ħamrun Sporting 3-0.
Għall-Marsin spikka Nobokatsu Tsuchiya li skorja doppjetta fit-35 u l-45 minuta sabiex Ali Oularbi ssiġġilla r-rebħa finali.
Referee kien Igor Kankaras.
Senglea Gunners kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex eliminaw lil Valletta Stars St Dominic 7-6.
L-iskor sa tmiem is-70 minuta kien dak ta’ 3-3 b’Locht Yenti Renaud jiskorja doppjetta għall-Istilel Beltin u b’Benjamin Onyeawulotu iżid ieħor.
Senglea skorjaw permezz ta’ Christopher Philip Balotelli, Ousman Jallow u Lamin Jaiteh.
Fl-għoti tal-penalties, Senglea rebħu 4-3.
Referee kien Sillah Al Hasana.
Għaxaq Wolves rebħu l-konfront kontra Attard Edex Kings bl-iskor ta’ 4-0.
Ian Zammit skorja minn penalty wara biss żewġ minuti għalkemm kien biss fl-aħħar li l-Għaxqin aċċertaw il-kwalifikazzjoni b’gowl ta’ Thomas Veronese, Diego Fernando Pereira u Julian Said Capacho.
Referee kien Gjergji Bitri.
San Ġiljan Saints ħasdu lil Valletta St Paul’s u rebħulhom 2-1.
Il-Ġiljaniżi skorjaw żewġ gowls fil-bidu tal-partita permezz ta’ Oliver Hylander u Claude Roman Jason sabiex lejn l-aħħar kien Luka Asanidze li naqqas l-iskor għal Valletta St Paul’s.
Referee kien Thomas Debono.
Balluta Barracudas rebħu d-derby kontra Ta’ Ġiorni Wanderers 3-1.
Il-Cudas kienu determinati li jiksbu l-kwalifikazzjoni u skorja l-ewwel permezz ta’ Andrew Tortell sabiex Deisler Conti ġab id-draw momentarju għal Ta’ Ġiorni.
Lejn l-aħħar tal-partita, Nicholas Jaccarini u Timothy Zammit Lupi skorjaw il-gowls u s-siġill fuq il-kwalifikazzjoni.
Referee kien Ray Tabone.
F’logħba mill-isbaħ, Birżebbuġa St Peter’s għelbu lil Mqabba Albions 2-1.
Oussama Boutayeb u Titi Dumitri fetħu vantaġġ doppju għal Birżebbuġa sabiex Gilbert Pace skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għall-Albions.
Referee kien Alex Grech.
Fi tmiem il-ġimgħa li ġej jintlagħbu l-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni b’dan il-programm:
Is-Sibt 6 ta’ Dicembru 2025
Marsaxlokk Ground
2:30 pm – San Giljan Saints vs Balluta Barracudas FC
4:15 – Marsa St Michael’s vs St. Paul’s Bay NMFC
Qormi Ground
2:30 pm Birzebbuga St Peters AFC vs Senglea Gunners FC
4:15 pm – San Gwann ProEvolution Academy vs Ghaxaq Wolves AFC


