Wednesday, December 25, 2024

Magħrufa l-mewt ta’ Bobby Charlton

Aqra wkoll

Ġiet magħrufa l-mewt ta’ Bobby Charlton li seħħet wara waqgħa aċċidentali f’dar tal-kura li kien qed jgħix fiha.

Il-player leġġendarju tal-Ingilterra u Manchester United miet, fl-età ta’ 86, fl-Isptar Ġenerali ta’ Macclesfield, fil-21 ta’ Ottubru.

Fl-inkjesta fil-Qorti  ta’ Cheshire, intqal li Sir Bobby kien qed jgħix f’The Willows, f’Knutsford, dar tal-anzjani li tieħu ħsieb pazjenti bid-dimenzja.

Il-Maġistrat ta’ Cheshire, Jacqueline Devonish, kkon­kludiet li l-mewt tiegħu kienet aċċidentali.

Fis-seduta ntqal li Sir Bobby kien tilef il-bilanċ hekk kif qam mis-siġġu, ħabat ma’ soll tat-tieqa u “possibilment ma’ radjatur”.

Mill-awtopsja li saritlu rriżulta li ma kien hemm l-ebda ġrieħi viżibbli li setgħu kkawżaw il-mewt tiegħu.

Iżda aktar tard ġiet innotata nefħa fuq dahru u ssejħu l-paramediċi fiċ-ċentru, fejn kien ilu jingħata l-kura minn Lulju li għadda.

Imbagħad ittieħed fi sptar lokali qabel ma ġie mċaqlaq lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Macclesfield.

L-x-ray tas-sider u CT scan urew li kien kiser il-kustilji u x’aktarx li żviluppa pnewmonja, skond l-inkjesta.

It-tobba mbagħad qablu li Sir Bobby kellu jingħata kura “ta’ tmiem il-ħajja” … miet ħamest ijiem wara.

Fl-inkjesta ntqal ukoll li l-eks attakkant ta’ Manchester United  kellu storja medika estensiva u kien ukoll ikkuntratta l-Covid-19, f’Settembru li għadda.

Il-manager tad-dar tal-kura tal-anzjoni, Tamara Simmons, qalet li Sir Bobby “kellu bżonn appoġġ fl-aspetti kollha tal-ħajja ta‘ kuljum”.

Finalment, il-Maġistrat ġie għall-konklużjoni li l-kawża tal-mewt seħħet minħabba trawma fil-pulmun, waqgħa u dimenzja.

Ekonomija

Sport