Monday, December 8, 2025

Magħrufa s-semifinalisti tal-BOV MAFA 70th Anniversary Cup

Aqra wkoll

Erba’ timijiet kisbu l-kwalifikazzjoni għas-semifinali tal-BOV MAFA 70th Anniversary Cup wara li rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom mill-kwarti tal-finali.

L-iktar logħba drammatika kienet dik li ntlagħbet fil-grawnd ta’ Ħal Qormi hekk kif Għaxaq Wolves dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 3-2.

It-tim Għaxqi kien qed jitlef 2-0 iżda b’wirja kbira fit-tieni taqsima, huma dawru l-iskor favurihom u kisbu post fis-semifinali.

Abdou Autamane u Raphael Dos Santos skorja żewġ gowls għal San Ġwann sabiex ftit qabel l-ewwel taqsima, Diego Fernando Pereira naqqas il-marġni tal-iskor.

Fit-tieni taqsima, Cervantes Geonaga u Diego Ovallos Galvis taw ir-rebħa drammatika lill-Wolves

Referee kien Sillah Alhasana.

Għall-kuntrarju, Marsa St Michael xejn ma sabuha diffiċli sabiex għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 5-1.

Il-Marsin kienu 2-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima, sabiex fit-tieni 35 minuta huma kabbru l-iskor.

Protagonisti għal Marsa kienu Joao Marcello Junior Coutinho u Yuto Kata li skorjaw doppjetta kull wieħed sabiex awtogowl ta’ Prabin Shredtha għaqqad ir-riżultat.

Għalxejn kien il-gowl skorjat minn Paras Karki.

Referee kien Alper Can.

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima għenu lil Senglea Gunners jegħlbu lil Birżebbuġa St Peter’s sabiex huma wkoll għamluha għal mal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni speċjali.

Christopher Philip Balotelli fit-12-il minuta u Olaawale Olajide Ola fil-35 minuta għamlu r-riżultat finali 2-0 għall-Gunners.

Referee kien Gjergji Bitri.

Balluta Barracudas kellhom imorru għal-lotterija tal-penalties sabiex għelbu lil San Ġiljan Saints 5-3.

Il-logħba fi tmiem is-70 minuta ntemmet 1-1 b’Nathan Robb jiskorja għas-Saints u b’Anton Gustav Berglund iġib l-iskor indaqs għall-Cudas.

Fl-għoti tal-penalties, il-protagonista kien il-goalkeeper ta’ Balluta Mike Micallef li laqa’ żewġ penalties u b’hekk għen lit-tim tiegħu jirbaħ din il-logħba.

Referee kien Christian Lia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport