Thursday, December 26, 2024

Maġistrat tfaħħar raġel li ġibed filmat ta’ uffiċjali allegatament isawtu raġel

L-allegat vittma jgħid li saq b'veloċità eċċessiva wara telefonata mingħand oħtu

Aqra wkoll

Żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn ġew mixlijin li sawtu raġel f’każ li spiċċa fix-xandir wara li raġel ġibed filmat tal-inċident. 

L-Ispettur Ian Vella, li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li l-Pulizija ma setgħetx tressaq taħt arrest għal raġunijiet ta’ proċedura minħabba li l-uffiċjali kienu diġà marru l-għassa qabel inħareġ il-mandat ta’ arrest. 

Ivan Cassar ta’ 42 sena minn Ħaż-Żabbar u Rene Antonelli ta’ 38 sena mill-Qrendi wieġbu mhux ħatja li sawtu lil Anoob George Thomas, li kkaġunawlu ġrieħi ħfief, li hedduh, li insulentawh, li kisru l-paċi pubblika u li saqu b’veloċità eċċessiva.

Min-naħa l-oħra Thomas, li jaħdem bħala carer ġie infurmat ukoll li se jkun mixli li saq b’mod perikoluż u li naqas li jobdi l-ordnijiet li tawh iż-żewġ akkużati.

Xehed Justin Aquilina mill-Marsa li ġibed il-filmat fejn spjega li kien fuq il-bejt tad-dar jipprova mobile ġdid meta sema’ s-sireni u ġibed l-inċident. Huwa qal li r-raġel li kien mal-art ma rreżistiex waqt li spjega kif ra żewġ uffiċjali, li ħasibhom pulizija, isawtuh. Aquilina żied jgħid li għall-ewwel ma kienx se jippubblika l-filmat imma l-kuxjena ma ħallitux kwiet u xi ġimgħat wara bagħat il-filmat lil sit elettroniku lokali. Il-Maġistrat Frendo Dimech min-naħa tagħha faħħritu għal dan il-ġest u rrimarkat li kien jinħtieġ kuraġġ biex għamel li għamel.

Xehed ukoll il-vittma nnifsu, li jgħix il-Marsa, fejn qal li meta waqqfuh iż-żewġ uffiċjali huwa ħareġ mill-karozza b’idejh mgħollija. Huwa qal li staqsa lil wieħed mill-uffiċjali dwar il-proċedura u dan qallu biex jibqa’ mal-art mbagħad xi ħadd ġie minn warajh u beda jsawtu. Huwa żied jgħid li qed isuq b’veloċità eċċessiva għax kien għadu kemm irċieva telefonata mingħand oħtu fejn talbitu l-għajnuna.

Fi tmiem is-seduta l-Maġistrat Frendo Dimech iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġ akkużati jitressqu taħt att ta’ akkuża.

L-Avukat Ishmael Psaila qiegħed jidher għall-imputati filwaqt li l-Avukat Yanika Zammit Tabone qed tidher għal Tabone.

Ekonomija

Sport