Saturday, December 21, 2024

Maġistrat tordna lill-akkużat joħroġ mill-awla wara li baqa’ jinterrompi

Ikompli jinstema’ l-każ dwar l-attentat ta’ qtil ta’ mara Kolumbjana f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Kolumbjan mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ mara Kolumbjana f’bajja f’San Ġiljan kellu jinħareġ mill-awla fuq ordni tal-Maġistrat wara li baqa’ jinterrompi l-ħin kollu waqt is-seduta tal-lum.

Waqt li kienu qed jinstemgħu aktar xhieda, l-akkużat beda jilmenta li ħadd ma kien qed jgħinu u dan minkejja li kellu avukat jiddefendih. Huwa żied jgħid ukoll li din kienet it-tielet seduta tiegħu.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li qiegħda tisma’ l-każ, spjegatlu li bħalissa ninsabu fil-fażi fejn hi l-Prosekuzzjoni li qiegħda tressaq il-provi mbagħad wara jkun imiss id-Difiża. Madankollu, l-akkużat baqa’ xorta waħda jikkummenta u f’ħin minnhom instema’ jgħid ukoll li fil-ħin li seħħ l-allegat każ huwa ma kienx fuq il-post.

Huwa ġie mitlub kemm-il darba biex ipoġġi bilqiegħda iżda baqa’ jinterrompi u jgħid tiegħu, bil-Maġistrat twissieh sabiex ma jkomplix jaħli aktar ħin tal-Qorti. Wara li rat li se jkompli jippersisti bl-aġir tiegħu, il-Maġistrat Frendo Dimech ma kellhiex triq oħra ħlief li tordna li l-akkużat jinħareġ mill-awla u jitniżżel isfel.

Il-Kolumbjan Fabian Media Paira ta’ 21 sena qed ikun mixli b’attentat ta’ qtil, li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma, li kiser il-paċi pubblika u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.

Fost dawk li xehdu llum kien hemm Dr Jonathan Joslin, konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza li spjega kif nhar is-7 t’Awwissu li għadda, kien hemm sejħa għall-għajnuna hekk kif persuna kienet mitlufa minn sensiha u mimlija dmija viċin il-parkeġġ tad-Dragonara.

Minnufih marru fil-post it-timijiet mediċi u anke ambulanzi fejn hemm sabu tfajla mixħuta fuq il-blat u ma setgħetx tieħu wisq nifs. Deher ukoll li kellha żewġ feriti waħda fuq sidirha u l-oħra f’ġenbha fuq in-naħa tax-xellug. Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn hemm sarilha CT Scan b’urġenza.

Ix-xhud kompla jispjega li l-ġrieħi kienu meqjusa bħala gravi, bit-tfajla kienet tinsab f’riskju li titlef ħajjitha minħabba li tilfet ħafna demm. Spjega wkoll illi lit-tobba kienu qalulhom li l-vittma kienet ġiet attakkata b’arma li taqta’.

Intant, xehed ukoll is-Surġent Matthew Pace li ta dettalji dwar l-arrest tal-allegat aggressur wara li ġew analizzati l-filmati tas-CCTV. Qal li l-imputat deher jgħaddi minn San Ġiljan u baqa’ sejjer lejn Pembroke.

F’dawk l-akwati l-Pulizija nnutaw raġel li kien jixbaħ ħafna mad-deskrizzjoni mogħtija lilhom tal-persuna li kienu qed ifittxu. Is-Surġent xehed li meta resqu lejh u infurmawh li kien jinsab taħt arrest dan ipprova jirreżisti l-arrest. “Spiċċajna mal-art. Kellu basket madwaru u pprova joħroġ xi ħaġa minnu li aktar tard irriżulta li kellu multi tool,” qal ix-xhud.

Sadanittant, xehed ħabib tal-vittma li kien magħha dakinhar tal-inċident. Huwa qal li fil-bidu kienu erba’ persuni – żewġ tfajliet u żewġ ġuvintur – iżda mbagħad tnejn minnhom telqu u kienu baqgħu fuq il-bajja hu u l-vittma.

Qal li ddeċidew li jinżlu jgħumu fejn hemm għamlu madwar siegħa jitkellmu. Huma nnutaw li kien hemm persuna oħra taġixxi b’mod mhux normali u deher riesaq lejn il-basket tagħhom. Xħin wasal fejn il-basket, dan ir-raġel kellu flixkun f’idu u kissru.

“Rajtha stramba u ma fhimtx għala. Ipprovajna noħorġu mill-ilma għax ħsibna li din il-persuna kienet se tieħu l-basket. Bdejt nipprova ngħaġġel biex nitla mill-baħar imma t-tfajla telgħet qabli.

“Malli resqet lejn dan ir-raġel, dak il-ħin li kont tiela’ mill-ilma rajt li kien qisu qed jimbuttaha. Rajt lilha tgħolli jdejha qisha qed tipproteġi lilha nfisha u hu jaqbeż fuqha,” kompla jispjega x-xhud.

Meta tela’ mill-baħar u mar biex javviċina lill-allegat aggressur dan tal-aħħar telaq jiġri minn fuq il-post. Meta dawwar wiċċu biex jara lit-tfajla, innutaha mimlija demm u wara beda jgħajjat għall-għajnuna.


“Ma kontx naf x’laqatni dak il-ħin u bdejt ngħid: nispera ma tmutx f’idi”


Ix-xhud qal li pprova jżomm idu fuq il-ġerħa li kellha fuq sidirha u baqa’ kontinwament jgħidilha biex “ma torqodx.” Mara li nzertat għaddejja minn dawk in-naħat u semgħet l-għajjat tar-raġel marret tara x’kien ġara u ċemplet għall-ambulanza.

“Ma kontx naf x’laqatni dak il-ħin u bdejt ngħid: nisperaw ma tmutx f’idi. Għaddew ftit minuti u ġiet l-ambulanza. Wara ħaduha l-Isptar u t-tobba kienu infurmawni li kellhom joperawha,” huwa żied jgħid.

Meta ġie mitkellem mill-Pulizija, ix-xhud tahom id-dettalji ta’ dak li kien għadu kif seħħ. Huwa għaraf ukoll lill-imputat fl-awla bħala l-persuna li allegatament wettaq din l-aggressjoni.

Il-każ ikompli f’Ottubru.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonett u Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Shawn Pawney u Nico Zarb. L-avukat tal-għajnuna legali Mark Busuttil qed jidher għall-imputat.

Ekonomija

Sport