Il-Pulizija ġew ordnati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex jieħdu passi kontra mara wara li nstab li fix-xhieda li tat quddiem il-Qorti gidbet kontra persuna oħra. Din il-persuna konsegwenza tal-allegat gideb tal-mara l-oħra spiċċat tressqet il-Qorti.
Sabrina Scerri ġie akkużata li fl-Imnarja tal-2019, meta kienet f’bar f’Birżebbugia ħebbet għal Annriette Falzon u kkaġunatlha ġrieħi gravi. Hija ġiet akkużata wkoll li kisret il-paċi pubbliku.
Fix-xhieda tagħha Falzon xehdet li Scerri ġibditha minn xagħarha u meta spiċċat mal-art bdiet tagħtiha bis-sieq. Scerri ċaħdet dan u li kienet hi li ħebbet għal Falzon. Is-sieħeb tal-akkużata jgħid li kienet Falzon li marret tħebb għal Scerri.
Wara li nstemgħu l-provi, l-Maġistrat Stafrace Zammit iddeskriviet ix-xhieda ta’ Falzon bħala waħda mhux kredibbli fejn qalet li waqt il-kontro-eżami Falzon bidlet ħafna minn dak li kienet qalet fil-bidu tax-xhieda.
Il-Maġistrat qalet li bl-ebda ħin ma ġie ppruvat kif Falzon sofriet il-ġrieħi.
Il-Qorti waqt li ma sabitx lil Scerri ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha mill-Ispettur Anzjan Trevor Micallef ordnat li jittieħdu passi kriminali kontra Falzon fuq xhieda falza.