Tuesday, December 24, 2024

Maħtur Bord amministrattiv biex iwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta’ oġġetti eżebiti fil-Qorti

Aqra wkoll

Maħtur Bord amministrattiv biex iwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta’ oġġetti eżebiti fil-Qorti. Fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kien mistoqsi dwar l-esebiti fil-Qorti, anke b’rabta mal-każ ta’ Seguna.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputata Laburista Davina Sammut Hili, il-Ministru Attard qal li jinsab infurmat illi mal-mument li nqalgħet din iċ-ċirkostanza, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għamlet rapport mal-pulizija biex tagħmel l-istħarriġ neċessarju u jekk ikun il-każ tinfetaħ inkjesta relattiva fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni.

Lil hinn minn dan, huwa spjega li t-Tnejn filgħodu stess, permezz tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Johan Galea, ġie maħtur bord amministrattiv biex iwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta’ oġġetti li jkunu ġew eżebiti fi proċeduri legali.

“Għaliex hawn qed nitkellmu fuq oġġetti li huma evidenza kruċjali li bihom każ jista’ jmur naħa jew oħra. nemmnu fl-importanza tiegħu,” tenna l-Ministru Attard. “Huwa fatt li l-ebda sistema ma tista’ tiggarantixxi l-perfezzjoni, però l-Bord se jkun qed jagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni preentii biex iħares lejn id-diversi binarji amministrattivi relatati maż-żamma tal-oġġetti eżebiti, inkluż il-proċess ta’ kustodja, iż-żamma tagħhom, sistemi ta’ prekawzjoni, SOPs u varji punti oħra.”

Huwa qal ukoll li l-Aġenzija kienet diġà bdiet ix-xogħol biex ittejjeb il-livell ta’ żamma tal-esebiti u fl-aħħar xhur kien hemm negozjati biex ikun introdott il-labelling tal-esebiti b’sistema ta’ RFID.

“Inħares ‘il quddiem biex inkomplu nimplimentaw l-ogħla standards f’dan is-settur biex kulħadd, kull parti involuta, ikollha serħan il-moħħ,” temm jgħid il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.

Ekonomija

Sport