Il-President ta’ Malta Dr George Vella, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura, ħatar żewġ Imħallfin ġodda fil-Qrati Superjuri ta’ Malta.
L-Imħallfin il-ġodda huma l-Maġistrat Doreen Clarke u l-Maġistrat Josette Demicoli.
Il-ħatra tagħhom tħabbret fi stqarrija li ħarġet mill-Uffiċċju tal-President u qed issir wara sejħa pubblika għal espressjoni ta’ interess li kienet ippubblikata fil-11 ta’ Ottubru li għadda mill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.
Il-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura kellu b’kollox 20 espressjoni ta’ interess x’jevalwa. Doreen Clarke u Josette Demicoli kienu meqjusa skont il-Kumitat bħala “l-aktar li għandhom mertu u li huma l-aktar idonji għall-kariga ta’ Imħallef.”
Madankollu, il-Kumitat għadda wkoll lista ta’ tliet ġudikanti u avukat ieħor li huma meqjusa idonji u meritevoli biex iservu bħala Imħallfin. Dawn huma l-Maġistrat Charmaine Galea, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Dottor Mark Simiana u l-Maġistrat Gabriella Vella.