Sunday, May 18, 2025

Maicon u Stefania Marchionna kienu impressjonati bil-merħba sabiħa u l-livell għoli ta’ organizzazzjoni

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni li l-Inter Club Gozo qed jiċċelebra l-10 anniversarju tagħhom, twettqu diversi attivitajiet fejn bħala mistiedna speċjali kien hawn fostna il-ex plejer leġġendarju li rebaħ it-trippletta ma’ Inter FC fl-2009-2010, Maicon Douglas Sisenando, kif ukoll Stefania Marchionna – la madrina dell’Inter 2021.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet kienu l-Gala Dinner nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2025 fil-Grand Hotel, l-Mġarr, Għawdex, kif ukoll sessjoni ta’ taħriġ għat-tfal Għawdxin tal-U/13 fil-Gozo Stadium li tmexxiet mill-istess Maicon. Bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Gozo Youth FA. Għal dan it-taħriġ kien preżenti wkoll il-Ministru għal Għawdex u l-iŻvilupp, Clint Camilleri, fejn wara kienu mibdula tifkiriet tal-okkażjoni. Maicon ingħata merħba wkoll sabiħa fiż-żjarat li għamel fil-klubbs tal-Inter Gozo u Inter Malta. Kemm Maicon, kif ukoll Marchionna żaru s-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu fejn kienu milqugħa mir-Rettur Fr Gerard Buhagiar, kif ukoll kellhom l-opportunita’ li joħorgu fuq dgħajsa id-dwejra u jżuru postijiet oħra ta’ interess fil-gżejjer Maltin fosthom l-Mdina u l-Belt Valletta.

Waqt il-Gala Dinner li kien miftuħ għal kull min ried jattendi, sar diskors minn Joe Bajada, l-president tal-Inter Gozo fejn wara li ta merħba u radd il-ħajr lil dawk kollha preżenti, huwa qal li jinsabu onorati ħafna li għandna magħna lil Maicon u Stefania biex niċċelebraw dan l-għaxar anniversarju tagħna mit-twaqqif tal-Inter Club ġo Għawdex. Huwa żied jgħid li ninsabu lkoll ferħanin ħafna mhux biss biex nieklu, nixrobu u niċċelebraw l-anniversarju tagħna, iżda wkoll biex flimkien niċċelebraw postna fil-finali taċ-Champions League kontra Paris St Germain.

Bajada semma wkoll kif sar il-ftuħ uffiċjali tal-Klubb tas-Supporters Interisti f’Għawdex nhar it-13 ta’ Settembru 2015, eżatt qabel id-derbi della Madonnina mill-Kampjonat tas-Seria A mirbuħ 1-0 mill-Inter kontra Milan. Madankollu biex seħħ dan, huwa kien ġa beda l-kuntatti snin qabel u wara iktar korrispondenza, finalment intlaħqu r-rikweżiti kollha mitluba u kienu aċċettati bħala membri sħaħ fi ħdan iċ-Centro Cordinamento. Huwa sjega li kien ilu jinħass in-nuqqas ta’ post alternattiv fejn il-partitarji tal-Inter Għawdxin ikunu jistgħu jsegwu l-logħbiet tal-benjamini tagħhom flimkien f’Għawdex stess. U propju dan kien wieħed mill-iskopijiet ewlienin u speċifiċi tat-twaqqif ta’ dan il-Klubb ġdid Għawdxi. Bajada rringrazzja mill-qalb lil Kumitat tal-Armar tal-Festi ta’ Kerċem li offrew post fiċ-Ċentru tagħhom fejn ikunu jistgħu jibdew jiltaqgħu.

Joe Bajada temm il-messaġġ tiegħu billi qal li jixtiequ jesprimu l-gratitudni tagħhom lill-mistednin kollha li attendew għal din il-festa fejn it-tbissima u l-ferħ għamlu l-atmosfera tassew maġika u ta’ suċċess kbir għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd fosthom kif esprimew Maicon u Marchionna li kienu sorpriżi bil-livell għoli ta’ organizzazjoni.

Bajada rringrazzja lill-isponsors, Visit Gozo, Visit Malta, Gozo Youth FA, Grand Hotel, Gozo Frank Travel, u bosta sponsors oħra li offrew spot prizes li setgħu jintrebħu fil-lotterija. Huwa radd ħajr lil sħabu tal-Kumitat għal ħidma tagħhom, kif ukol lil diversi persuni oħra li għenu mhux ftit bl-għajnuna u l-isponsors miksuba biex setgħu jgħamlu tajjeb għal din il-miġja fostna għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin ta’ Maicon Douglas Sisenando u Stefania Marchionna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport