Din is-sena, mal-10 miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta – l-ogħla numru li qatt kien irreġistrat f’pajjiżna.
Dan tħabbar f’kitba fuq il-midja soċjali tal-ajruport, fejn intqal li jinsabu kburin b’dan ir-riżultat, li jkompli jsaħħaħ l-impenn għal investiment kontinwu u servizz eċċellenti għall-mistednin tagħhom.
“Hekk kif nirriflettu fuq din is-sena, ħaġa waħda hi ċara: dan is-suċċess ma kienx ikun possibbli mingħajr l-isforzi kollettivi tal-ħaddiema u l-istakeholders,” tenna l-ajruport.
It-titjira li ġarret l-10 miljun passiġġier kienet il-KM491, li waslet minn Zurich.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg laqa’ b’sodisfazzjon dan ir-riżultat filwaqt li rringrazzja lit-tmexxija u l-ħaddiema kollha tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.


