Bejn Ottubru li għadda u April ta’ din is-sena, kien hemm eluf ta’ uffiċjali pubbliċi li bejniethom attendew 1,558 kors offruti mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. Minn dan ix-xahar sa Lulju li ġej hemm skedati 262 kors, bil-parteċipazzjoni ta’ 5,035 persuna. Din hija xhieda tal-investiment kbir li qed jagħmel is-Servizz Pubbliku fin-nies li jaħdmu fi ħdanu.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, meta kien qed jindirizza t-tieni konferenza dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’ għas-Servizz Pubbliku fil-ħames snin li ġejjin. Il-konferenza saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022 u ffukat fuq kif is-Servizz Pubbliku se jkun qed jinvesti aktar fin-nies, b’diskussjonijiet dwar aspetti differenti tas-suġġett fost il-parteċipanti li tqassmu f’cohorts.
Is-Sur Cutajar qal li fis-Servizz Pubbliku n-nies huma fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jsir, u dan minn żewġ lati – in-nies li jirċievu s-servizz u n-nies li jipprovduh. Kien għalhekk li s-Servizz Pubbliku ħareġ bil-programm ta’ ħidma ‘People 360’ għall-impjegati pubbliċi, li jħares lejn il-persuna fit-totalità tagħha u li permezz tiegħu ngħata l-ħajja lill-kunċett li l-qofol ta’ kollox jibqgħu n-nies.
“Fil-qofol tiegħu dan il-programm irid jaqleb minn personnel management għal people management. B’dan il-mod biss, u bit-tisħiħ ta’ programm bħal dan, nistgħu noħorġu l-aħjar min-nies, it-talenti ta’ kemm jista’ jkun nies,” qal is-Sur Cutajar.
Filwaqt li semma kif fl-Iskema tal-Istudenti tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi bħalissa hemm 18-il student u fl-Iskema tat-Traineeship hemm 353 parteċipant, is-Segretarju Permanenti Ewlieni rrefera wkoll għall-Employee Support Programme (ESP) fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Dan il-programm jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi kunfidenzjali bla ħlas għal uffiċjali pubbliċi li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet fil-ħajja personali jew fuq il-post tax-xogħol. Matul l-aħħar sena, kien hemm 615-il uffiċjal pubbliku li bbenefikaw mill-għajnuna offruta taħt dan il-programm.
Żjara fiċ-Ċentru Servizz Familja – servizz.gov
Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, is-Sur Cutajar żar ukoll iċ-Ċentru Servizz Familja – servizz.gov, li issa qed jopera minn bini ċentrali fil-Belt Valletta u li jservi ta’ one-stop-shop għal min ikollu bżonn għajnuna soċjali, biex in-nies jinqdew b’rispett lejn il-privatezza tagħhom u bla dewmien.
Ċentru Servizz Familja jagħti l-opportunità lill-klijent li jsirlu eżerċizzju ta’ profiling professjonali, jiġu identifikati l-iskemi u s-servizzi soċjali li hu eliġibbli għalihom, u jingħata l-assistenza kollha meħtieġa biex japplika b’suċċess.
Is-Sur Cutajar fakkar li dan iċ-ċentru, li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, se jservi wkoll ta’ proġett pilota biex il-proċess segwit minnu sussegwentament jiġi adottat ukoll mit-23 hub reġjonali ta’ servizz.gov fil-komunità. B’hekk is-servizzi governattivi jkomplu jitqarrbu lejn in-nies, fl-impenn sħiħ tas-Servizz Pubbliku li jipprovdi servizz ta’ eċċellenza.