Tuesday, December 24, 2024

Mal-4,000 ħaddiem ta’ Twitter jistgħu jitilfu xogħolhom wara bidla fit-tmexxija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Twitter ħabbret li se tkun qiegħda tgħarraf lill-ħaddiema dwar jekk humiex se jkunu qegħdin iżommu posthom fil-kumpanija wara li Elon Musk ħa r-riedni f’idejh.

F’email interna, il-kumpanija tal-midja soċjali qalet li dan it-tnaqqis jista’ jitqies bħala sforz lejn titjib fis-sitwazzjoni tagħha.

Qalet ukoll li l-uffiċini tagħha se jkunu temporanjament magħluqa u li l-aċċess se jkun sospiż.

Il-multi biljunarju se jkun il-Kap Eżekuttiv ta’ Twitter wara li l-ġimgħa li għaddiet xtara l-kumpanija għall-prezz ta’ $44 biljun.

Fl-email intqal li għalkemm il-kumpanija tifhem li din id-deċiżjoni se tkun qiegħda taffettwa numru ta’ individwi li taw kontribuzzjoni siewja fil-passat, iżda li din l-azzjoni sfortunatament hija neċessarja biex il-kumpanija tkompli twitti t-triq ’il quddiem.

Il-ħaddiema  li mhumiex se jkunu affettwati minn din l-azzjoni, se jkunu qegħdin jiġu notifikati permezz ta’ email oħra mill-kumpanija. Min-naħa l-oħra dawk affettwati se jkunu qegħdin jiġu notfikati bil-proċedura neċessarja fil-kontijiet personali tagħhom.

Skont spekulazzjonijiet fil-midja jidher li hemm mal-4,000 persuna f’riskju li jitilfu xogħolhom. Dan hekk kif jidher li l-kumpanija qiegħda tbati biex tagħmel profitt u jidher li tnaqqis fl-ispiża tal-pagi se tkun waħda mis-soluzzjonijiet biex is-sitwazzjoni tinbidel.

Ekonomija

Sport