Friday, December 13, 2024

Mal-450 ħaddiem tal-Air Malta japplikaw għal impjieg alternattiv

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja kkonferma li kien hemm mal-450 ħaddiem tal-Air Malta li diġà applikaw għal impjieg alternattiv.

Huwa stqarr dan fuq l-istazzjon nazzjonali hekk kif illum jagħlqu l-iskemi biex ħaddiema tal-Air Malta japplikaw biex jitilqu minn mal-kumpanija u jingħataw impjieg alternattiv mal-Gvern. 

L-Air Malta se tkun qiegħda tnaqqas l-għadd ta’ impjegati fi ħdanha minn 890 għal madwar 430. Il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana kien ukoll tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta u sostna li jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet biex il-linja nazzjonali tal-ajru ssalva. 

Meta kien mistoqsi dwar dan, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li fl-aħħar ġimgħat saru numru ta’ laqgħat u proċess ta’ konsultazzjoni kemm mal-Ministeru tal-Finanzi u x-Xogħol kif ukoll maċ-Ċermen tal-kumpanija u mas-shop stewards, dwar l-Air Malta.

“Din il-ġimgħa kellna tliet laqgħat mal-membri tagħna u l-impjegati biex infehmuhom fuq x’se jkun qed jiġri,” qal Bugeja li semma kif intlaħaq qbil li dawk li se jkun qed jingħatalhom impjieg alternattiv se jkollhom il-kundizzjonijiet kollha skont il-ftehim kollettiv preżenti, li jibqgħu fis-seħħ sakemm isir ftehim kollettiv ieħor. 

Huwa qal ukoll li l-kumpanija se tagħti garanzija li dawn il-ħaddiema se jżommu l-bażiku ta’ din is-sena, li huwa l-ogħla għax kien hemm żieda fil-COLA u l-ftehim kollettiv.

Bugeja spjega li ebda ħaddiem mhu se jitlef xejn mill-iskema tat-take home pay hekk kif se jingħataw l-allowances kollha inkluż l-overtime. Barra minn hekk, qed jiġi garantit li d-dħul ta’ kull ħaddiem mhux se jonqos.

Il-ftehim jinkludi wkoll li l-ħaddiema li kellhom il-paga tagħhom tiżdied kull sena b’mod personalizzat, jibqa’ jingħatalhom dan il-benefiċċju. Huma se jibqgħu jingħataw ukoll il-bonus tal-Gvern u l-COLA.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna wkoll li: “hemm impenn min-naħa tal-Gvern biex nibdew ninnegozzjaw ftehim kollettiv ġdid wara li jiskadi l-ftehim attwali biex il-kundizzjonijiet tagħhom ma jonqsux.”

“Qbilna wkoll mal-Gvern, għax kien hemm talba ġenerali, fuq skema ta’ rtirar kmieni. Il-Gvern ikkommetta ruħu li malli ssir il-qalba u jiġu rranġati l-affarijiet, nibdew minnufih b’diskussjonijiet biex joħorġu żewġ skemi – waħda bbażata fuq kemm fadallek żmien u l-oħra fuq kemm għandek servizz mal-Air Malta, għal min fadallu iktar x’jagħti,” stqarr Bugeja. 

Huwa żied jgħid li dawk il-ħaddiema li se jibqgħu mal-Air Malta se jibqgħu bil-ftehim kollettiv li għandhom. “Kif imħabbar fil-konferenza stampa, iċ-Ċermen jinsab kommess li jibda diskussjonijiet għal ftehim kollettiv ġdid. Il-kundizzjonijiet ġodda għadna ma nafuhomx għax iridu jiġu diskussi però ċ-Ċermen ikkjarifika li m’hemm l-ebda kwistjonijiet ta’ pagi imma jrid ibiddel ċertu proċeduri tax-xogħol,” sostna Bugeja.

Ekonomija

Sport