Sunday, December 22, 2024

Mal-500 persuna jattendu għall-ikla tal-Milied tal-Caritas

Aqra wkoll

Ilbieraħ saret l-ikla tradizzjonali tal-Milied organizzata mill-Caritas Malta fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, li għaliha attendew mal-500 persuna. Din l-ikla ssir bil-għan li titnaqqas is-solitudni.

Madwar 100 voluntier, li jinkludu ħaddiema u residenti mid‑djar terapewtiċi li tmexxi Caritas, għenu fl‑organizzazzjoni tal‑Ikla tal‑Milied. 

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt iltaqgħu man-nies li attendew għall-ikla. Anke l-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech żaru lin-nies waqt l-ikla u tkellmu magħhom.

L-ikel għal din l-okkażjoni kien ippreparat minn The Alfred Mizzi Foundation waqt li din is-sena wkoll, il-koki tal-Kċina tal-President ta’ Malta ħadu ħsieb jippreparaw ħelu tradizzjonali tal-Milied biex jitqassam waqt l-ikla. St Peter’s Foundation tat ukoll is-sostenn tagħha u l-grupp X-Tend ħoloq atmosfera ta’ ferħ bil-mużika tagħhom.

L‑Ikla tal‑Milied, organizzata minn Caritas Malta, ilha ssir mill‑2015 fejn dakinhar mal-200 persuna kienu aċċettaw l-istedina ta’ Caritas, u kull sena iktar nies urew ix-xewqa li ma jqattgħux il-Milied weħidhom.

Waqt il-pandemija, l-Ikla tal-Milied saret xorta waħda iżda l-ikel kollu tqassam fid-djar sabiex il-kuntatt man-nies ma jiqafx u ħadd ma jħossu waħdu.

Ekonomija

Sport