Monday, December 9, 2024

Mal-50,000 persuna mistennija joħonqu l-Kapitali

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef taw id-dettalji dwar l-avveniment ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena li se jsir fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Għal dan l-avveniment mistenni li jattendu ’l fuq minn 50,000 persuna, fejn se jkunu qed jipparteċipaw ukoll diversi artisti lokali u anki internazzjonali stabbiliti.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta se jkunu l-ikbar avveniment ta’ dan it-tip fil-pajjiż. Enfasizza li dan l-avveniment huwa opportunità unika biex il-pubbliku jgawdi minn atmosfera ta’ mill-isbaħ u mużika, filwaqt li jgawdi mit-talent tad-diversi artisti lokali u internazzjonali.

Il-Ministru fakkar ukoll li din l-okkażjoni se ssellem is-sena 2024 bl-aqwa mod u tagħti bidu għall-2025 bħala poplu Malti u Għawdxi wieħed magħqud b’ċelebrazzjonijiet li se jinkludu spettakli tal-logħob tan-nar u preformances mużikali mill-aqwa.

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu li għal darb’oħra se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali bla ħlas ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta.

Micallef ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex lejlet l-ewwel tas-sena jżur il-Belt Kapitali tagħna u jattendi għal dan l-avveniment sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika ħalli flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merħba lis-sena l-ġdida bil-kbir.

Fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena se jieħdu sehem Ira Losco, The Red Electric, Shaun Farrugia u Kevin Paul. Dawn l-artisti se jagħtuna wħud mill-aqwa kanzunetti tagħhom flimkien ma’ dwetti oħrajn klassiċi Maltin.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena se jkunu permezz tal-artista famuża internazzjonali CASCADA. Lil CASCADA ħafna jafuha għal kanzunetti popolari immens bħal “Evacuate the Dancefloor”, “Everytime we touch” u ħafna oħrajn.

Mat-tokki ta’ nofsilejl se jkun hemm wirja kbira tal-logħob tan-nar tal-ajru fil-Port il-Kbir. Fi Pjazza San Ġorġ il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy se jkunu qed iferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar sabiex jingħata bidu kif jixraq lis-sena 2025. Se jkun qiegħed jagħlaq is-serata mbagħad Dj D-REY.

Dorianne Mamo, Taryn Mamo Cefai, Owen Bonnici u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.

Iċ-ċelebrazzjoni Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta hija organizzata minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali. Dan l-avveniment huwa appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport