Monday, February 23, 2026

Mal-Anzjani u Mal-Komunità: Fejn Inħossni d-Dar

Minn Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva

Aqra wkoll

Il-politika tibda u tispiċċa man-nies. Ma hemmx sostitut għall-kuntatt personali – li tkun fit-toroq, tisma’ l-ilmenti, tħoss il-ferħ, u tara l-ħtiġijiet b’għajnejk. Dan hu l-uniku mod kif tifhem tassew x’għaddej minnu l-poplu u kif tista’ sservih b’ġenwinità.

Għalija, il-persuni anzjani għandhom post speċjali f’qalbi. Huma l-ġenerazzjoni li tat kollox lil dan il-pajjiż: xogħol bla waqfien, sagrifiċċji kbar u valuri li għadhom jagħtuna direzzjoni sal-lum. Meta nitkellem magħhom, nimtela b’rispett u ispirazzjoni. L-istejjer tagħhom ifakkruni li l-politika vera tibda mis-servizz.

Dan kollu deher b’mod ċar fl-attività riċenti li organizzaw il-Kumitat Laburista tar-Rabat. Minkejja l-maltemp qawwi, xorta kien hemm preżenza sabiħa ta’ nies li ġew bi ħgarhom biex inżommu s-soċjetà ħajja u nagħmlu ftit ħin ta’ komunità flimkien. Il-preżenza tagħhom, f’kundizzjonijiet mhux favorevoli kienet xhieda ta’ kemm il-komunità tagħna hija sħiħa u ta’ kemm hemm valur fit-tisħiħ ta’ dawn il-mumenti.

Ġewwa r-Rabat kont mistoqsi dwar servizzi diversi, djar residenzjali u l-pjanijiet li għandna għall-anzjani. Tkellimna dwar l-impenn tagħna biex inżommu l-anzjani fil-qalba tal-komunita’, dwar iż-żieda ta’ servizzi biex niffaċilitaw l-ħajja tal-anzjani tagħna u nnaqqsu l-piż minn fuq l-qraba tagħhom. Ma setax jonqos li ġejt mistoqsi dwar iċ-ċentru tal-anzjanita attiva li se jinfetaħ fil-ġranet li ġejjin fir-Rabat.

L-aktar parti sabiħa kienet li nitkellem man-nies waħedhom – mal-familji, max-xjuħ li L-iktar mumenti għal qalbi jibqgħu l-konverżazzjonijiet man-nies, u ma’ dawk kollha li xtaqu jaqsmu kelma ta’ ġid jew tħassib. Hawnhekk tħoss il-veru spirtu tal-komunità u tifhem kemm hu importanti li tibqa’ preżenti u li tisma’ b’qalbek.

L-anzjani, b’għerfhom u bil-paċenzja tagħhom, jibqgħu jfakkruna li l-politika ma tistax issir mill-bogħod. Hija xi ħaġa li trid tgħixha fost in-nies ta’ kuljum, fejn tisma’, tifhem u tgħin.

Il-qalb tiegħi tibqa’ hemm: mal-anzjani, mal-familji, u ma’ kull min jieħu l-ħin biex jaqsam kelma. Huma jagħtuni l-motivazzjoni li nibqa’ preżenti – biex nisma’, naħdem u nkompli nagħmel il-ġid għax flimkien nistgħu nibnu futur aħjar – wieħed mibni fuq relazzjoni viċina u ġenwina man-nies, rispett u għaqda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport