Saturday, December 21, 2024

“Mal-laħma trid tieħu l-għadma” – Bertu n-nogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Meta kont iżgħar lanqas idea ma kelli li se nispiċċa nagħmel dan ix-xogħol. Kont inbigħ il-ħwejjeġ u issa għadni kif għalaqt kapitlu ta’ ħafna tbatija taħt iż-żwiemel. Kont xtrajt daqsxejn ta’ bagħal u xtaqt innegħlu jiena ta’ dilettant li kont u anke biex qisek ma toqgħodx tiġi bżonn in-nies.

Dak iż-żmien ma kontx issib l-għodda Malta imma malajr irranġajt ma’ ħabib tiegħi biex iġibli minn barra. Kelli ktieb bl-Ingliż u għalkemm ma kontx nifhem kollox kont bdejt inqabbel l-istampi u minn hawn u minn hemm kont negħltu dan il-bagħal… f’għajnejja kien ġie tajjeb.

Meta spiċċali n-nagħal kelli nsib bniedem biex jaħdimli l-ġdid. Kont qabbadt wieħed Salvu magħruf ħafna għal dan ix-xogħol f’Birkirkara u spiċċajt naħdem miegħu għal 14-il sena. Minn hemm spiċċajt infendi għal rasi u kien hemm żmien meta kont fl-aqwa tiegħi kont nagħmel anke mal-20 bhima kuljum. Issa qrib is-70 u dahri m’għadux jippermettili. Is-snin li għamilt inqadel saqajn żwiemel ta’ kull daqs u milwi taħthom kollha hemm qegħdin. It-tifel kien qabad jitħajjar imma l-istatura tiegħu ma tantx tgħin u kont jien stess li ħassartlu. Qbilna li ngħaddilu s-sengħa biex jaħdem il-bhejjem tiegħu biss.

Ritratt Alan Saliba

Inċidenti kemm trid, għalkemm setgħu ġewni ħagna agħar. Darba kelli żiemel tat-trott ġibidli siequ u tajt daqqa bil-martell fuq difri u għamilt 15 l-isptar. Id-daqqiet ta’ żewġ ma jonqsux u ġieli għamilt anke xi jiem fl-ITU. Ħeqq kif jgħidu mal-laħma xi kultant trid tieħu l-għadma wkoll.

Taf kemm taf qatt ma taf biżżejjed. Kont naħseb li għax irnexxieli nniegħel il-bagħal kont tgħallimt, meta mort ma’ Salvu skoprejt kemm ma kont naf xejn. Niddejjaq meta nisma’ dawn ‘l-esperti’ jissuġġerixxu nagħal tal-lastiku meta min qiegħed fil-lant tax-xogħol jaf li dan joħloq ħsara ikbar f’saqajn iż-żiemel minħabba li n-nagħla tradizzjonali mal-pass tkaxkar daqsxejn u d-daqqa tintilef.

Issa żmieni għamiltu u għalkemm xogħol iebes nieħu pjaċir nara żgħażagħ jersqu għal taħriġ f’korsijiet fl-MCAST biex din is-sengħa ma tmutx. Grazzi lil dawk kollha li talbu għas-servizz tiegħi matul dawn is-snin kollha.”

Bertu Pullicino magħruf bħala Bertu n-nogħol

Ekonomija

Sport