“Fejn jidħol il-kummerċ ta’ pajjiżna mal-Ungerija, fl-aħħar ħames snin rajna titjib sinifikanti, però għandna l-għan li dan ikompli jiżdied u naraw aktar negozji Maltin li wkoll jiftħu f’dan il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali li kellu f’pajjiżna mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Unergija Péter Szijjártó.
Il-Ministru Borg qal li bħalissa hemm tliet kumpaniji Maltin stabbiliti li qed joperaw fl-oqsma tal-ospitalità, l-oftalmoloġija u anke f’dak relatat mal-kapital uman. Huwa kompla jgħid li jemmen li hemm iżjed setturi li Malta tista’ toffri l-esperjenza tagħha fihom, fost oħrajn fejn jidħol it-tagħlim tal-Ingliż, fejn pajjiżna huwa meqjus bħala ċentru ta’ eċċellenza. Dr Borg tenna li l-Gvern Malti lest li jkompli jiffaċilita biex ikun hemm aktar koperazzjoni mal-Ungerija għall-possibbiltà li aktar studenti jagħżlu lil pajjiżna sabiex ikabbru l-ħiliet tagħhom f’din il-lingwa. Ġie diskuss ukoll il-potenzjal sabiex ikun hemm kollaborazzjoni fuq ħidma konsulari bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew ukoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-bżonn li l-Unjoni Ewropea u l-istati membri kollha joffru l-id tal-ħbiberija sabiex il-valuri tas-solidarjetà verament jiġu attwati bil-fatti.
Hekk kif l-2023 tinsab aktar fil-qrib, il-Ministru Borg ħa din l-opportunità sabiex jispjega aktar fid-dettall il-prijoritajiet li għandu pajjiżna fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa sostna kif Malta se tkun qed timbotta ’l quddiem l-oqsma tal-litteriżmu u l-edukazzjoni, is-suġġett tal-involviment tat-tfal milquta minn kunflitti, l-irwol tan-nisa fit-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà, u t-tibdil fil-klima marbut mal-impatt tiegħu fuq gżejjer żgħar. Matul din il-laqgħa ġew diskussi wkoll l-aħħar żviluppi relatati mal-kriżi tal-enerġija, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi u s-sanzjonijiet li qed isiru fuq il-Federazzjoni Russa.
Il-Ministru Péter Szijjártó qal li huwa ta’ unur għalih li qiegħed f’pajjiżna u żied li huwa essenzjali li jibqgħu jsiru dawn iż-żjarat minn żmien għall-ieħor sabiex nibqgħu nsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Huwa kompla jgħid li bl-introduzzjoni tal-Wizz Air f’pajjiżna qed ikun hemm numri inkoraġġanti ta’ turisti u l-Gvern Ungeriż se jkompli jara li Malta tibqa’ tkun waħda mid-destinazzjonijiet preferuti għat-turisti Ungeriżi. Huwa fakkar li ż-żewġ pajjiżi għandhom numru ta’ similaritajiet u b’hekk huwa importanti li jkun hemm mezz ta’ kommunikazzjoni miftuħ sabiex tittejjeb il-koperazzjoni.