Saturday, February 21, 2026

Malcom X: L-attivist għad-drittijiet tal-bniedem li ma beżax jitkellem u jiġġieled għal dak li kien jemmen fih

Aqra wkoll

Nhar il-21 ta’ Frar tal-1965 Malcolm X, attivist għad-drittijiet tal-bniedem, inqatel b’diversi tiri tan-nar quddiem martu u wliedu waqt li kien qiegħed jindirizza l-Organisation of Afro-American Unity fi New York. Dan il-qtil krudili mmirat biex isikktu darba għal dejjem, kien wieħed minn erbgħa assassinji ta’ profil għoli fis-snin 60 fl-Istati Uniti li seħħ f’inqas minn sentejn mill-qtil ta’ John F. Kennedy u tliet snin qabel l-qtil ta’ Martin Luther King Jr u Robert F. Kennedy.

Malcolm X kien reliġjuż Afro Amerikan u figura importanti fi żmien il-moviment għad-drittijiet ċivili li tilef ħajtu għal dak li jemmen fih fl-età ta’ 39 sena. Spekulazzjonijiet dwar dan l-assassinju dwar jekk sarx minn jew bl-għajnuna ta’ membri tan-Nation of Islam jew inkella minn aġenziji tal-forzi tal-ordni b’mod partikolari l-FBI u s-CIA, ippersistew għal ħafna snin. Tliet membri tan-Nation of Islam – Muhammad Abdul Aziz, Khalil Islam u Thomas Hagan ġew akkużati u misjuba ħatja f’qorti għal dan il-qtil b’sentenzi indefinittivi għal għomorhom il-ħabs. F’April tal-2010, Hagan inħeles mill-ħabs u f’Novembru tal-2021 Aziz u Islam kienu ġew eżonorati.

Attivist tad-demm u l-laħam…

Kull sena, meta jasal l-anniversarju tal-qtil ta’ Malcolm X, terġa’ tqum il-mistoqsija ta’ xi jfisser tassew il-wirt li ħalla warajh. Għal ħafna, dan l-attivist huwa simbolu ta’ reżistenza mentri għal oħrajn huwa figura bi prinċipji sodi favur id-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari tal-persuni suwed. Iżda lil hinn mill-ikona, Malcolm X kien bniedem tad-demm u l-laħam iffurmat minn tfulija iebsa, minn telf u umiljazzjoni u minn tfittxija bla waqfien għall-verità u għad-dinjità.

Imwieled fl-1925 f’Omaha, fl-Istati Uniti, Malcolm Little, kif kien jismu oriġinarjament, trabba f’familja li ma beżgħetx titkellem dwar l-awtodeterminazzjoni tas-suwed. Missieru kien reliġjuż li jippriedka fil-knejjes u kien jappoġġja l-ideat ta’ Marcus Garvey. Għal dan, din il-familja kien spiċċat fil-mira ta’ gruppi suprematisti bojod. 

Id-dar ta’ Malcolm X kienet inħarqet; il-familja ġiet mhedda u aktar tard missieru kien miet f’ċirkostanzi suspettużi. Ommu, mifnija bil-piż tal-faqar u l-pressjoni soċjali, kienet spiċċat istituzzjonalizzata. Konsegwenza ta’ dan, Malcolm u ħutu kien tqassmu f’familji differenti u minn età żgħira, għalhekk, Malcom X kien tgħallem xi tfisser tgħix bla stabbiltà u bla protezzjoni.

Fil-ħabs kienet seħħet il-bidla…

Student żagħżugħ brillanti iżda mweġġa’ minn sistema li ma ratx futur fih, Malcolm X kien daħal fil-lixka tal-kriminalità. Fl-aħħar tas-snin 40 fil-fatt huwa kien instab ħati ta’ serq u ngħata sentenza ta’ ħabs. Kien proprju wara l-ħitan tal-ħabs li seħħet il-bidla fundamentali f’ħajtu. Hawn huwa kien iqatta’ l-ħin tiegħu jaqra bla waqfien, jistudja l-Istorja, il-filosofija u r-reliġjon u anke kien beda jikkorrispondi ma’ membri tal-Nation of Islam. Dan il-moviment tah sens ta’ identità, dixxiplina u missjoni. Malcolm Little sar Malcolm X, l-ittra “X” kienet simbolu tal-kunjom mitluf tal-antenati tiegħu vittmi ta’ skjavitù.

Fis-snin 60 imbagħad Malcolm X sar wieħed mill-aktar vuċijiet qawwija u elokwenti tal-moviment tad-drittijiet ċivili. Il-kliem tiegħu kien jaħraq, dirett u bla kompromessi. F’kuntrast ma’ Martin Luther King Jr, li kien jippromwovi reżistenza paċifika u integrazzjoni, Malcolm X kien jinsisti li  jekk l-istat jonqos milli jipproteġi lill-persuni suwed, dawn għandhom jiddefendu lilhom infushom “b’kull mezz meħtieġ”. 

Għalih, l-ugwaljanza ma setgħetx tinkiseb billi wieħed jitlobha bil-kwiet; kellha tintalab b’dinjità u jekk meħtieġ, bil-forza.

Il-problema ma kinitx il-kulur tal-ġilda…

Madankollu, min jara lil Malcolm X biss bħala attivist ġelliedi jitlef parti essenzjali mill-istorja tiegħu. Wara l-involviment man-Nation of Islam, huwa kien għadda minn trasformazzjoni oħra. 

Fl-1964 kien mar pellegrinaġġ f’Mecca, esperjenza li bidlet il-fehma tiegħu dwar ir-razza u l-fratellanza umana. Hemmhekk huwa kien qal li ra Musulmani ta’ kull kulur iqimu flimkien u dan wasslu biex jemmen li l-problema ma kinitx il-kulur tal-ġilda imma sistema ta’ oppressjoni mibnija fuq il-poter u l-esklużjoni. Wara r-ritorn tiegħu Malcolm X kien beda jitkellem b’mod aktar universali dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà globali.

Kien f’dan il-mument ta’ maturazzjoni u bidla li waslet għat-traġedja. Kien Frar tal-1965, wara ħafna theddid, li Malcolm X inqatel. Il-qtil tiegħu kien ixokkja lill-Amerika u kompla jqajjem tensjonijiet li diġà kienu qegħdin jeqirdu t-tessut soċjali tal-pajjiż.

Illum, aktar minn 60 sena wara, il-mistoqsija dwar kemm inbidlu t-trattament tal-persuni suwed tibqa’ relevanti. Minn naħa wieħed jirrikonoxxi li sar progress imma, fil-verità għad hemm xi jsir u dan b’mod speċjali fil-mentalità tan-nies. L-elezzjoni tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama  kienet mument simboliku ta’ bidla storika. Dan ir-riżultat elettorali żied ir-rappreżentanza politika u kulturali kif ukoll infetħu bibien li kienu magħluqa għall-persuni suwed.

Disparitajiet strutturali li għadhom jeżistu

Id-disparitajiet strutturali fis-soċjetà tal-lum għadhom jeżistu. Dawn narawhom b’rata ogħla ta’ faqar fost il-komunitajiet suwed, sistema tal-ġustizzja kriminali b’proporzjon sproporzjonat ta’ suwed fil-ħabsijiet u każijiet ta’ brutalità mill-pulizija fl-Istati Uniti fuq is-suwed. Dawn tal-aħħar saħansitra kienu wasslu għal protesti kbar madwar il-pajjiż u movimenti bħal “Black Lives Matter” reġgħu tennu dak li kien jisħaq Malcolm X – li l-ħajja tas-suwed għandha valur imma spiss hija mċaħħad jew injorata.

Fil-qasam edukattiv u ekonomiku, id-differenza fil-ġid bejn familji bojod u suwed baqgħet kbira wkoll. Aċċess għal skejjel ta’ kwalità, kura tas-saħħa u opportunitajiet ta’ xogħol għadhom ivarjaw b’mod sinifikanti skont il-komunità u f’liema żona toqgħod. F’dan il-kuntest, il-kliem ta’ Malcolm X dwar il-ħtieġa ta’ setgħa ekonomika u awtodeterminazzjoni għadu relevanti għall-ġurnata tal-lum.

Il-kuraġġ ta’ Malcolm X li jinbidel

Il-wirt ta’ dan il-persunaġġ ma jistax jitkejjel biss bil-kejl tal-progress soċjali. Il-qofol jinsab fil-kuraġġ li jinbidel. Malcolm X ma baqax maqbud fl-istess pożizzjoni. Huwa kien kapaċi jevolvi, jirrevedi l-fehmiet tiegħu u jammetti li l-esperjenza tista’ twessa’ l-orizzonti. Din il-maturità immortalatu bħala figura umana u mhux monument ideoloġiku statiku.

L-anniversarju tal-qtil ta’ Malcolm X huwa stedina għal kull wieħed u waħda minna biex nirriflettu mhux biss fuq kif u għala miet, iżda fuq kif għex u b’liema ideoloġiji. Kien iben, raġel u missier. Kien qarrej bla heda li għaraf is-saħħa tal-edukazzjoni. Kien mexxej li għamel żbalji, li qasam l-opinjonijiet, iżda li qatt ma ċeda milli jitlob rispett u dinjità għall-komunità tiegħu.

Forsi l-ikbar lezzjoni li jħallilna hija li l-ġlieda għad-drittijiet mhiex kapitlu magħluq fl-Istorja iżda proċess kontinwu. Il-kundizzjonijiet illum huma differenti minn dawk tas-snin 60 iżda xorta għad irridu naraw li nibnu soċjetà fejn il-kulur tal-ġilda ma jiddeterminax il-futur ta’ persuna. Dan għandna nagħmluh mhux bil-kliem imma bil-fatti.

F’dan l-anniversarju għalhekk, niftakru f’Malcolm X mhux biss bħala martri tal-kawża, iżda bħala bniedem li għadda minn dlam għal dawl, minn rabja għal riflessjoni u li ħalla warajh wirt li għadu jispira, jisfida u jqanqal kuxjenzi. Huwa wirt li ma jitħassarx b’tir wieħed tant li għadu parti mill-istorja ħajja tal-ġlieda għall-ugwaljanza.

Il-ġlieda għad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza razzjali

… persuni li għamlu differenza pożittiva u konkreta

Malcolm X kien wieħed mill-protagonisti ewlenin fil-promozzjoni tad-drittijiet u d-dinjità tal-persuni suwed. Miegħu hemm lista ta’ nies oħra li ssagrifikaw kollox, inkluż tilfu ħajjithom għal din il-kawża ġusta. Biżżejjed insemmu lil Martin Luther King Jr u lil Nelson Mandela. Din hija lista ta’ wħud min-nies li għamlu differenza pożittiva u konkreta fil-ġlieda għad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza razzjali:

* Frederick Douglass: Eks skjav li sar wieħed mill-aktar abolizzjonisti influwenti tas-seklu 19. Il-kitbiet u d-diskorsi tiegħu kontra l-iskjavitù għenu biex tinbidel l-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti u saħħew il-moviment għall-abolizzjoni;

* Harriet Tubman: Mexxiet netwerk sigriet magħruf bħala l-Underground Railroad u għenet mijiet ta’ skjavi jaħarbu u jkunu liberi. Il-kuraġġ tagħha sar simbolu ta’ reżistenza kontra l-iskjavitù;

* W. E. B. Du Bois: Akkademiku u attivist, ko-fundatur tan-NAACP. Il-ħsieb intellettwali tiegħu dwar il-“double consciousness” u l-ġlieda legali kontra s-segregazzjoni kellhom impatt fit-tul;

* Rosa Parks: L-att ta’ diżubbidjenza ċivili tagħha fl-1955 meta rrifjutat li ċċedi s-siġġu tagħha fuq xarabank f’Montgomery qanqal il-“Montgomery Bus Boycott” li ta spinta kbira lill-moviment tad-drittijiet ċivili;

* Martin Luther King Jr: Mexxej tal-moviment tad-drittijiet ċivili li ppromwova reżistenza paċifika. Id-diskors tiegħu “I Have a Dream” jibqa’ wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti fl-Istorja Amerikana;

* Thurgood Marshall: L-ewwel Imħallef iswed tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Qabel dan, bħala avukat tan-NAACP kien strumentali fil-każ Brown v. Board of Education li waqqa’ s-segregazzjoni fl-iskejjel pubbliċi;

* Ella Bake: Organizzatriċi straordinarja li ħadmet wara l-kwinti u saħħet il-moviment taż-żgħażagħ. Hija kienet kruċjali fil-formazzjoni tal-Student Nonviolent Coordinating Committee;

* Nelson Mandela: Mexxej tal-ġlieda kontra l-apartheid fl-Afrika t’Isfel u l-ewwel President iswed tal-pajjiż. Il-messaġġ tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni kellu impatt globali;

* Desmond Tutu: Arċisqof u attivist kontra l-apartheid. Mexxa l-Kummissjoni Verità u Rikonċiljazzjoni wara t-tmiem tar-reġim razzista fl-Afrika t’Isfel;

* Shirley Chisholm: L-ewwel mara sewda eletta fil-Kungress Amerikan u l-ewwel mara sewda li kkontestat in-nomina presidenzjali ta’ partit ewlieni. Fetħet bibien għal rappreżentanza politika usa’;

* John Lewis: Attivist prominenti li mexxa marċi għall-vot u l-ugwaljanza. Aktar tard serva għal snin twal fil-Kungress u baqa’ jippromwovi d-drittijiet ċivili;

* Angela Davis: Akkademika u attivista li ffokat fuq il-ġustizzja soċjali u r-riforma tas-sistema tal-ħabsijiet. Il-kitbiet tagħha għadhom jispiraw diskussjoni dwar razza u klassi;

* Bryan Stevenson: Avukat u fundatur tal-Equal Justice Initiative, magħruf għall-ħidma tiegħu kontra sentenzi inġusti u l-piena tal-mewt sproporzjonata fuq suwed; u

* Barack Obama: L-ewwel President iswed tal-Istati Uniti. L-elezzjoni tiegħu kellha valur simboliku enormi u tat spinta lil ġenerazzjoni ġdida ta’ parteċipazzjoni politika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport