Saturday, December 21, 2024

“Malta ambizzjuża u determinata għal bidla ekoloġika”

Il-Ministru Aaron Farrugia jindirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil tal-Klima 2021

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar, Aaron Farrugia, qal li Malta hija mfaħħra mill-Unjoni Ewropea għax bħala pajjiż aħna verament kommessi li nilħqu l-miri ambjentali tagħna. Grazzi għal miżuri li ttieħdu qabel, miżuri riċenti u dawk imħabbra fl-aħħar budget, Malta qiegħda timplimenta miżuri veritieri li flimkien ma’ bilanċ ekonomiku, sejra lejn transizzjoni ekoloġika ġusta. 

Fl-indirizz tiegħu fil-Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil tal-Klima 2021, il-Ministru Farrugia, filwaqt li nsista li t-tema tal-klima qatt m’għandha tintuża bħala ballun politiku, sostna li, “il-bidla ekoloġika għandha tkun waħda ġusta għax jekk il-poplu ma jkunx warajna, mhux se naslu”. 

Malta għandha miri ambjentali ambizzjużi ħafna. Mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ emmissjonijet per kapita. Il-Ministru Farrugia qal li dan seħħ grazzi għal miżuri li ttieħdu fl-imgħoddi li wasslu għal din il-bidla fosthom li twaqqaf l-użu tal-faħam mill-industrija. Barra minnhekk, mira li kellna nilħqu sal-2050 li nkunu carbon neutral, huwa qal li din se tintlaħaq sal-2030.

Il-Ministru Farrugia semma’ kif sa 22 xahar ilu ma kellniex pjan biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima mentri llum il-ġurnata hemm pjan, ambizzjoni u anke determinazzjoni li jkun onorat il-Ftehim ta’ Pariġi li għandu 190 pajjiżi firmatarji. 

“Illum il-pajjiż għandu pjan strateġiku b’miżuri ċari fuq seba’ setturi fosthom dak tat-trasport, il-binjiet u l-kostruzzjoni, l-industrija u l-iskart. Il-miżuri mħabbra fil-Budget 2021 huma turija ċara kemm il-Gvern għandu għal qalbu l-ambjent u kemm irid li l-bidla ssir. Il-miżura li t-trasport pubbliku jkun b’xejn kellna nilħquha sal-2030 mentri din issa tħabbret li se tidħol fis-seħħ f’Ottubru li ġej. Barrra minnhekk din ġiet ikkumplimentata wkoll miż-żieda fil-grant għal min irid jixtri karozza elettrika fejn issa telgħet għal €11,000,” spjega l-Ministru Farrugia.

Huwa qal li meta tmur Brussels tinnegozja, filwaqt li dan isir għat-tfal tagħna, irridu nħarsu wkoll lejn il-kompettitività tal-pajjiż u għalhekk filwaqt li nkunu ambizzjużi, għandna nżommu f’moħħna li Malta qiegħda tikkompeti kuljum. “Irridu nsegwu l-miri ambjentali u dawk ekonomiċi. Malta issa trid tnaqqas 19% mill-emmissjonijiet u din mhux se tkun faċli imma nixtiequ li naslu għalihom,” kompla l-Ministru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar. 

Huwa qal ukoll li l-ambizzjonijiet qegħdin hemm u l-investiment ukoll iżda hemm erba’ fatturi li jiddeterminaw jekk nilħqux il-miri tagħna li huma – it-teknoloġija; il-finanzi tal-pajjiż; it-tibdil mill-karozzi ta’ kombussjoni għal dawk elettriċi; u l-prezzijiet tal-enerġija. 

Il-Ministru Farrugia temm jgħid li, “għandna għalfejn niċċelebraw il-momentum li qegħdin fih u l-bidla li qiegħda sseħħ. Ma ninsewx ukoll li t-tfal huma ħafna aktar ambizzjużi minnha u dan kollu jawgura prosperità għal pajjiżna”.

Ekonomija

Sport