Malta astjeniet fil-vot tagħha fil-Kunsill tal-Ministri tal-Intern għaliex mhiex konvinta li s-soluzzjoni li ġiet ippreżentata se tissarraf f’sistema ġusta u effettiva li tiflaħ għall-isfidi attwali u anke dawk futuri, għal pajjiżna. Malta ħadet dan il-pass fil-kuntest tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil li kien ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru 2020.
Għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri, li saret nhar il-Ħamis fil-Lussemburgu, attenda l-Ministru Byron Camilleri. Il-Kunsill iffoka fuq l-immigrazzjoni u l-ażil, primarjament fuq ir-regolamenti dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-immigrazzjoni u r-rregolamenti dwar il-proċeduri tal-ażil.
Il-Ministru Camilleri saħaq li s-sitwazzjoni u l-vulnerabbiltajiet ta’ Malta huma differenti minn dawk tal-istati membri l-oħra. Filwaqt li n-numri ta’ wasliet irregolari u responsabbiltajiet huma ta’ piż għal kull stat membru, għal Malta huma akbar minħabba ċ-ċokon tagħha.
Huwa saħaq li għaldaqstant l-aħjar prinċipju f’din id-deċiżjoni huwa li jkollna moħħna mistrieħ li jekk niġu f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna, din mhux biss tkun disponibbli imma li l-bżonnijiet tagħna jiġu indirizzati b’mod sħiħ. Huwa saħaq li b’dan it-test, sfortunatament, ma kienx hemm dan is-serħan tal-moħħ.
Huwa rrimarka li Malta ħadmet, u ser tkompli taħdem, kemm fuq il-parti esterna, kif ukoll fuq dik interna, sabiex iżżomm il-wasliet irregolari f’numri baxxi. Il-wasliet ta’ Malta huma primarjament mil-Libja, u l-gvern qed kontinwament jinvesti f’relazzjoni li tagħti l-frott, filwaqt li qed isir sforz qawwi biex min ma jikkwalifikax għall-ażil u jabbuża mis-sistema, ma jibqax f’Malta u jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.
Huwa stqarr li filwaqt li fl-aħħar ftit żmien in-numru ta’ wasliet irregolari lejn xtutna kienu baxxi, Malta tibqa’ vulnerabbli minħabba ċ-ċokon u l-pożizzjoni ġeografika tagħha.
Il-Ministru Camilleri qal li r-riforma f’dan is-settur trid tilħaq bilanċ bejn il-piżijiet ġodda li se jkollhom iġorru pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera, fosthom Malta, u s-solidarjetà mill-istati membri l-oħra f’ċirkostanzi partikolari. Sostna li b’dan il-ftehim m’hemmx bilanċ tajjeb bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.
Madanakollu, il-Ministru Camilleri sostna li filwaqt li l-patt fih xi aspetti pożittivi, Malta għażlet li tastjeni għax mhux konvinta mis-soluzzjoni li ġiet preżentata.