Monday, November 11, 2024

Malta b’aktar minn €1.7 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza għall-Ukrajna

Aqra wkoll

“Sa minn Marzu li għadda, Malta għaddiet madwar €1.7 miljun f’assistenza ta’ emerġenza lill-Ukrajna. Din kienet tinkludi assistenza bilaterali li primarjament iffokat fuq tagħmir mediku u mediċina”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reżiljenza tal-Poplu Ukren f’Pariġi, fi Franza.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Borg, għal darb’oħra, ikkundanna bil-qawwa l-qerda sistematika tal-Federazzjoni Russa fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna u tenna li azzjonijiet bħal dawn huma ksur serju tal-liġijiet umanitarji internazzjonali.

Ian Borg żied jgħid li minkejja r-riżorsi limitati li għandu pajjiżna u anke n-newtralità li hija parti integrali mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, Malta rrispondiet b’mod attiv lejn din it-theddida fuq l-Ukrajna. F’dan l-ispirtu, saħansitra, Malta appoġġat il-ħidma ta’ organizzazzjoni volontarja fl-Ukrajna billi ffinanzjat l-akkwist ta’ ġeneraturi skont it-talba tal-Gvern Ukren.

“Se nkomplu nappoġġaw u nikkontribwixxu għall-isforz Ewropew, u se nkomplu nikkoordinaw mal-Kummissjoni Ewropea, l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej rilevanti biex insaħħu l-appoġġ tagħna għall-Ukrajna”, qal il-ministru għall-affarijiet barranin.

Fi tmiem l-intervent tiegħu waqt din il-konferenza, il-Ministru Ian Borg tenna l-appoġġ bla waqfien tal-Gvern Malti għall-isforzi ta’ għajnuna internazzjonali fl-Ukrajna.

Sport