Saturday, January 31, 2026

Malta b’ħarsitha lejn il-potenzjal fl-Asja

Aqra wkoll

“Minn dejjem u għal raġunijiet storiċi, Malta kellha relazzjonijiet tajbin ħafna ma’ pajjiżi Asjatiċi bħalma huma ċ-Ċina u l-Indja. Hekk kif żviluppaw xejriet u sfidi internazzjonali ġodda, f’dawn l-aħħar snin Malta kompliet tifrex ħarsitha, speċjalment fix-Xlokk ta’ dan il-kontinent u l-Vietnam bla dubju wieħed minn dawn il-pajjiżi li joffri potenzjal kbir”.

Qal dan lil Talk.mt, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, fejn żied li dawn il-kuntatti qegħdin ikunu wkoll iffaċilitati fl-ambitu tal-Unjoni Ewropea li, anke hija stess, żviluppat politika strategika kemm fuq livell reġjonali kif ukoll bilateralment ma’ pajjiżi individwali.

“Xejn ma jżomm milli Malta tħares l-interessi tagħha“- Il-Ministru Ian Borg dwar il-koperazzjoni marittima u loġistika ma’ pajjjżi Asjatiċi

F’xenarju globali dejjem aktar kompetittiv Malta qiegħda tikkonferma b’mod ċar il-piż strateġiku tagħha bħala hub marittimu fil-qalba tal-Mediterran. L-interess espliċitu espress kemm maċ-Ċina kif ukoll mal-Vjetnam dwar koperazzjoni marittima u loġistika ma’ pajjiżna, huwa opportunità ekonomika fl-infrastruttura portwali u fil-kredibbiltà internazzjonali ta’ pajjiżna bħala sieħeb affidabbli tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rigward id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg, insista li l-infrastruttura marittima hija fundamentali għal pajjiżna, stat gżira fejn il-konnettività hija pilastru ewlieni tal-ekonomija u l-kompetittività. Żied li, “għaldaqstant, fit-taħditiet ma’ pajjiżi Asjatiċi, dan il-qasam spiss ikun fuq quddiem tal-aġenda, biex tkompli tissaħħaħ din l-infrastruttura u s-sigurtà ekonomika tal-pajjiż”.

Il-Ministru Ian Borg ħabbar li dawn il-kunsiderazzjonijiet se jkunu fil-qalba ta’ Qafas Reġjonali għall-Asja/Oċeanja ġdid li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu se jniedi fix-xhur li ġejjin. Huwa speċifika li, “għalkemm is-sitwazzjoni ekonomika globali tinsab imxekkla minn tensjonijiet ġeopolitiċi, żgur li dan m’għandux iżomm lil Malta milli tħares l-interessi tagħha, filwaqt li tindokra kif dejjem għamlet, l-aqwa relazzjonijet possibbli mal-imsieħba kollha tagħha”.

Tajjeb li nsemmu li l-laqgħat li saru riċentement f’Beijing u Hanoi juru li pajjiżna huwa pont strateġiku bejn l-Ewropa u l-Asja. Dan kemm fil-kummerċ, kif ukoll fis-sigurtà marittima. Ir-relazzjoni soda maċ-Ċina, imsaħħa b’investimenti konkreti bħall-Malta Freeport u t-tisħiħ tar-rabtiet mal-Vjetnam, juru Gvern li jaf jaqra r-realtajiet ġeopolitiċi u jpoġġina f’pożizzjoni ta’ influwenza li tmur lil hinn mid-daqs tagħha, b’viżjoni ċara u b’interess nazzjonali quddiem kollox.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport