Wednesday, December 4, 2024

Malta bil-għan li tiddefendi t-titli fi Sqallija

Aqra wkoll

Is-7 u t-8 ta’ Diċembru jimmarkaw żewġ dati importanti fil-kalendarju tat-tlielaq fil-korsa ġirien ta’ Sirakusa Ippodomo del Mediterraneo fi Sqallija. Fl-okkażjoni ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa, il-korsa se tkun qed tospita l-Laqgħa Internazzjonali tagħha b’bosta sewwieqa u anke sidien Maltin, biż-żwiemel tagħhom stess, jivvjaġġaw lejn Sqallija biex jipparteċipaw f’diversi tiġrijiet.

It-8 ta’ Diċembru se jimmarka l-parteċipazzjoni tas-sewwieq żagħżugħ Nelson Azzopardi fil-Kampjonat tal-Apprentisti tal-Unjoni Ewropea tat-Trott (UET). Il-Malta Racing Club għażel lil Nelson Azzopardi biex jirrappreżenta lil pajjiżna bit-tama li jiddefendi dan it-titlu prestiġjuż. Wara r-ritorn f’din il-kompetizzjoni wara għoxrin sena, il-parteċipazzjoni tas-sena l-oħra minn Jean Claude Pace ratu inkurunat Champion Ewropew fl-edizzjoni 2023 miżmum ġewwa pajjiżna. Nelson Azzopardi se jkun qed jipparteċipa f’4 tiġrijiet bħala parti minn dan il-kampjonat kontra 13-il rappreżentant ieħor minn pajjiżi differenti Ewropej. Nelson Azzopardi għandu 20 sena u ilu jsuq f’ tiġrijiet uffiċjali mill-2019, bl-ewwel tiġrija tiegħu tkun dik fuq Juvel As f’tellieqa għal sewwieq żagħżagħ li fiha kien ħareġ rebbiegħ. Sal-lum, Nelson Azzopardi jgħodd 12-il rebħa f’113-il tiġrija disputati.

Is-Sibt 7 ta’ Diċembru, ukoll se naraw lil Malta tieħu sehem f’numru ta’ kompetizzjonijiet fl-istess korsa. Noel Baldacchino se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fir-raba’ u l-aħħar Leg tal-Kampjonat għas-Sewwieqa organizzat mill-Mediterranean Horseracing Union. Noel Baldacchino huwa sewwieq ta’ esperjenza b’diversi parteċipazzjonijiet barra minn Malta kemm bħala parti minn dan il-kampjonat kif ukoll f’okkażjonijiet oħra fejn irrappreżenta lill-Malta Racing Club bil-kuluri Maltin. Dan il-Kampjonat diġà ra l-parteċipazzjoni ta’ tlett sewwieqa, fosthom Michael Ellul fl-ewwel leg li sar f’Malta u Anthony Demanuele u Charles Camilleri li pparteċipaw fit-tieni u t-tielet leg barra minn Malta. Bħalissa Malta tinsab fil-quċċata tal-klassifika ta’ dan il-kampjonat bi 30 punt quddiem is-Serbja b’24 punt u l-14-il punt ta’ Franza.

Parteċipazzjoni oħra internazzjonali, fost l-aktar mistennija, hija dik tas-sidien Maltin u ż-żwiemel tagħhom fil-kampjonat tal-Gżejjer organizzat mill-istess Mediterranean Horseracing Union. Din hija t-tielet sena konsekuttiva li s-sidien Maltin qed jingħataw l-opportunità li jibagħtu ż-żwiemel tagħhom barra minn Malta biex jirrappreżentaw lil Malta f’dan il-kampjonat kontra żwiemel ibbażati fi Sqallija. L-għajnuna finanzjarja ta’ EquestiMalta tkompli tkun kruċjali biex tippromwovi t-tiġrijiet taż-żwiemel u tappoġġja lis-sidien u lis-sewwieqa Maltin tat-tlielaq taż-żwiemel biex ikollhom dawn l-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni internazzjonali. Din is-sena, ir-rappreżentanti ta’ Malta fi Sqallija se jkunu Havaroche bis-sewwieq Noel Baldacchino, Summerrazz li se jkun misjuq minn Paul Galea, Mojo Express bis-sewwieq Rodney Gatt u Whothehillareyou misjuq minn Tony Demanuele.

Il-Malta Racing Club u EquestiMalta jawguraw l-aqwa rizultati lill-kontinġent ta’ rappreżentanti Maltin li qed jipparteċipaw f’din il-Laqgħa Internazzjonali.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport