Ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-NSO li nħarġu mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea juru li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta matul ix-xahar li għadda baqgħet stabbli b’7.4%. Dan meta r-rata ta’ inflazzjoni annwali taż-żona tal-euro kienet ta’ 10.6% f’Ottubru 2022, żieda minn 9.9% f’Settembru.
F’Ottubru tas-sena ilu, ir-rata tal-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro kienet 4.1%. Minn naħa l-oħra, inflazzjoni annwali tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 11.5% f’Ottubru 2022, żieda ta’ 0.6% fuq Settembru li għadda. Sena qabel, ir-rata kienet 4.4%.
L-inqas rati annwali ġew irreġistrati fi Franza (7.1%), Spanja (7.3%) u Malta (7.4%). L-ogħla rati annwali ġew irreġistrati fl-Estonja (22.5%), il-Litwanja (22.1%) u l-Ungerija (21.9%). Meta mqabbla ma’ Settembru, l-inflazzjoni annwali naqset fi ħdax-il Stat Membru, baqgħet stabbli fi tlieta u żdiedet fi tlettax.
F’Ottubru, l-ogħla kontribuzzjoni għar-rata annwali tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro ġiet mill-prezzijiet tal-enerġija (+4.44 punti perċentwali), segwita minn ikel, alkoħol u tabakk (+2.74%), servizzi (+1.82% ) u oġġetti industrijali mhux tal-enerġija. (+1.62%).