Thursday, December 26, 2024

Malta bit-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-UE f’Jannar li għadda

Aqra wkoll

Il-Eurostat, l-uffiċju li jippubblika l-istastika tal-Unjoni Ewropea f’rapport li ħareġ fl-aħħar sigħat wera li f’Jannar ta’ din is-sena Malta kienet bit-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-rapport juri li Malta nrexxielha żżomm postha mal-inqas pajjiżi b’rata baxxa ta’ qgħad.

L-inqas rata ta’ qgħad ġiet irreġistrata fir-Repubblika Ċeka fejn hemm kien hemm 2.5% filwaqt li ġiet segwita mill-Polonja bi 2.8%. Malta u l-Ġermanja t-tnejn għandhom rata ta’ qgħad ta’ 3%.

Il-pajjiżi li għandhom l-ogħla rata ta’ qgħad huma Spanja, l-Italja u Ċipru fejn għandhom 13%, 7.9% u 7.4% rispettivament.

Bħala medja r-rata ta’ qgħad fil-pajjiżi taż-Żona Ewro hija 6.7% l-stess rata li ġiet irreġistrata f’Diċembru tas-sena li għaddiet. Min-naħa l-oħra r-rata medja ta’ qgħad fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 6.9%.

Jekk wieħed jidħol f’kategoriji differenti jsib li f’Jannar li għadda fl-Unjoni Ewropea kien hemm 2.7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa taħt il-25 sena kien bla xogħol. L-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ġiet irreġistrata fil-Ġermanja b’5.7% filwaqt li fir-Repubblika Ċeka hemm 7.2%. Malta f’din il-kategorija kellha l-ħames l-inqas rata ta’ qgħad taħt il-25 sena fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewoprea.

Ekonomija

Sport