Malta għandha l-akbar numru ta’ superyachts fid-dinja fir-reġistru marittimu. Qal dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg aktar kmieni llum f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal li hemm 840 bastiment li t-tul tiegħu jaqbeż l-24 metru.
Borg faħħar ix-xogħol li qed tagħmel Transport Malta biex tirregola s-settur, u qal li dan is-suċċess intlaħaq bi dajlogu konsistenti mal-istakeholders.
Huwa żied jgħid li minkejja l-impatt li l-pandemija tal-Covid-19 kellha fuq l-ekonomija, Malta rat żieda ta’ 7% fin-numru ta’ jottijiet reġistrati f’pajjiżna matul din is-sena.
Dan filwaqt li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-bastimenti lussużi fir-reġistru marittimu raw żieda ta’ 50%.
Il-Ministru Borg qal li t-tkabbir ta’ din l-industrija qed tħalli effetti pożittivi f’industriji oħrajn fosthom dik tal-catering u oqsma oħrajn speċjalizzati.
Huwa emfasizza wkoll l-isforzi li Transport Malta qed tagħmel biex tippromwovi jottijiet li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.