Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li għal din is-sena u s-sena d-dieħla, Malta se jibqa’ jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Fit-tbassir tagħha tar-rebbiegħa, il-KE tinnota kif l-ekonomija Maltija mistennija żżomm ir-ritmu b’saħħtu matul l-2025, immexxi minn konsum domestiku robust u esportazzjonijiet netti pożittivi.
Wara tkabbir notevoli ta’ 6.0% fl-2024, l-ekonomija Maltija mistennija li tikber b’4.1% fl-2025 u b’4% fl-2026. Mil-lat fiskali, id-defiċit tal-Gvern niżel għal 3.7% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2024 u mistenni li jkompli jonqos aktar biex jinżel taħt it-3% sal-2026, bil-proporzjon tad-dejn jibqa’ stabbli taħt it-48% tal-GDP.
Il-Kummissjoni Ewropea tinnota wkoll kif fl-2024, in-nefqa totali tat-turisti żdiedet b’23.1% meta mqabbel mal-2023. Barra minn hekk, setturi oħra orjentati lejn is-servizzi bħal dawk rikreattivi, professjonali, it-teknoloġija tal-informatika u s-servizzi finanzjarji kibru sew.
Ġie nnutat ukoll kif l-impjiegi żdiedu b’5.1% fl-2024, filwaqt li dan it-tkabbir fl-impjiegi mistenni jkun fil-livell ta’ 3.1% fl-2025 u 2.8% fl-2026. Dwar ir-rata tal-qgħad, din mistennija tibqa’ tkun waħda baxxa, ta’ 3.1% fl-2025 u fl-2026.
L-inflazzjoni fl-2024 naqset għal 2.4% fl-2024 u hi mistennija li tonqos għal 2.2% fl-2025 u 2.1% fl-2026. Dan filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu jinżammu stabbli.