Thursday, January 16, 2025

Malta bl-akbar tkabbir fil-produzzjoni industrijali

Aqra wkoll

Stqarrija tal-Eurostat tindika li f’Novembru, Malta kellha l-akbar tkabbir fil-produzzjoni industrijali minn fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif f’Novembru kien hemm żieda ta’ 13.5% fil-produzzjoni industrijali meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel. 

Dan b’kuntrast qawwi għall-bqija tal-Unjoni Ewropea fejn bħala medja kien hemm tnaqqis ta’ 1.7%.  Fil-fatt kien f’disa’ pajjiżi oħra biss li kien hemm tkabbir fil-produzzjoni, filwaqt li fi sbatax-il pajjiż kien hemm tnaqqis. L-akbar tnaqqis kien propju fil-Kroazja fejn il-produzzjoni industrijali waqgħet bi kważi 7%. Fil-Ġermanja, meqjuża bħala l-mutur industrijali tal-Ewropa kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 3%. Fi Franza u l-Italja kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 1%, mentri fi Spanja dan kien ta’ ftit anqas minn hekk.

B’kuntrast għal dak li qed jiġri f’pajjiżi madwarna, il-qagħda tal-fabbriki qed tibqa’ waħda pożitiva. Dan hekk kif f’Novembru kien hemm żieda ta’ 26% fil-produzzjoni ta’ prodotti intermedjarji, żieda ta’ 25% fl-oġġetti kapitali, u żieda ta’ 7% fil-produzzjoni ta’ prodotti għall-konsum. Fl-istess waqt il-produzzjoni ta’ enerġija kibret b’9%. 

Sa’ Novembru pajjiżna kellu żieda ta’ €91 miljun fl-esportazzjoni netta minn kummerċ staordinarju, bħal fjuwil. Il-figuri tad-dwana jikkonfermaw żieda fl-esportazzjoni ta’ farmaċewtika, ġojjelli, ġugarelli u materjal optiċi. Kontra ta’ dan kien tnaqqis fl-esportazzjoni tal-makkinarju elettriku, prodotti tal-gomma u tal-plastika.

Skont figuri tal-Jobsplus mill-2013’l hawn kien hemm żieda ta’ kważi 5,200 impjieg full-time u part-time fis-settur privat fil-qasam tal-manifattura. Dan meta taħt amministrazzjoni preċedenti l-impjiegi kienu naqsu b’aktar minn elfejn.

Mill-2013 ’l hawn l-investiment dirett barrani fil-qasam tal-manifattura zdied bil-qawwi u issa kważi laħaq €2.5 biljun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport