Monday, December 23, 2024

Malta bl-anqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro skont l-IMF

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Din il-ġimgħa, l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) reġa’ kkonferma li l-ekonomija Maltija ser tkun fost dawk l-aktar resiljenti fl-Ewropa. Dan filwaqt li t-tbassir tal-IMF juri lil pajjiżna bl-anqas żieda fil-qgħad fiż-żona ewro u anke madwar il-maġġorparti tad-dinja.

Filfatt filwaqt li s-sena li għaddiet pajjiżna kellu t-tielet l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, kemm fl-2020 u l-2021 pajjiżna mistenni jkollu l-anqas rata. Dan minħabba li minkejja r-riċessjoni mondjali r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna mistennija tiżdied b’0.6% biss. Dan meta f’ħafna pajjiżi Ewropej iż-żieda hija mbassra li tkun bejn 1% u 3%. Iż-żieda fil-qgħad f’Malta mistenni jkun ħames darbiet anqas dak fi Spanja, filwaqt li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna ser tkun kważi ħames darbiet anqas minn dik fil-Ġreċja.

Anke meta wieħed iħares b’mod globali Malta ser tkun il-pajjiż fejn il-qgħad ser jibqa relattivament stabbli. Fil-kontinent Amerikan mistennija żieda qawwija fil-qgħad, saħansitra tlett darbiet il-medja Ewropea, filwaqt li anke fl-Asja u l-Awstralja huwa mistenni li ferm aktar jisfaw bla xogħol.

Ta’ min jinnota wkoll li fir-riċesjoni tal-2009, pajjiżna kellu rata ta’ qgħad ta’ 6.9% jew darba u nofs dik imbassra għal din is-sena. Fir-riċessjoni tal-2009, għalkemm id-daqqa ekonomika kienet anqas, ir-rata ta’ qgħad kienet tħalliet tiżdied b’0.9%, jew terz aktar milli mistenni jkun il-każ din is-sena. Fl-2009 Malta kellha s-sitt l-anqas rata ta’ qgħad u mhux l-anqas rata kif qed jiġi pproġettat issa.

L-esperti internazzjonali, filwaqt li nnutaw kif il-pandemija diġa ħasdet il-ħajja ta’ miljun persuna, sejħu s-sitwazzjoni ekonomika globali bħala “a long and difficult ascent”. Filfatt ġie rrimarkat li għalkemm l-ekonomija dinjija kienet bdiet tirpilja, f’Awwissu l-imxija reġgħet għolliet rasha u xekklet l-irkupru f’ħafna pajjiżi.

L-esperti tal-IMF qallu li din hija riċessjoni bla preċedent għax is-soltu waqt riċessjoni s-servizzi l-anqas li jaraw tnaqqis fl-attivita. Minflok, din id-darba r-riċessjoni qed tolqot bil-qawwi lil dan is-settur. Dan ipoġġi riskji kbar għal ekonomija bħal dik ta’ pajjiżna li saru jiddependu ħafna mis-servizzi.

Minkejja dan, r-rapport tal-IMF jindika li l-ekonomija Maltija ser tkun fost l-aktar resiljenti għad-daqqa ekonomika. Filfatt il-ġid nazzjonali mistenni jonqos fl-2020 b’7.9% f’pajjiżna, b’kuntrast għal 8.3% fiż-żona ewro. B’kuntrast fi Spanja mistenni tnaqqis ta; 12.8%, jew darba u nofs dak ta’ pajjiżna. Fl-Italja mistennija riċessjoni ta’ 10.6% tal-ġid nazzjonali, filwaqt li fi Franza it-tnaqqis huwa mbassar li jkun ta’ 10.6%. Il-Ġreċja u l-Portugal ukoll ser jaraw daqqiet ta’ kważi 10%.

Barra milli se nsofru daqqa anqas minn pajjiżi oħra fl-2020, l-esperti tal-IMF qed ibassru li fl-2021 l-irkupru f’Malta ser ikun b’sahħħtu. Tant li ġa f’dik is-sena ser ikun hemm tkabbir ekonomiku ta’ kważi 5%, jew l-istess rata tal-2019.

Skont l-IMF pajjiżna ser jibqa jkollu surplus fil-bilanċ tal-pagamenti internazzjonali tul is-snin li ġejjin. Dan ifisser li ser nesportaw aktar milli nimpurtaw, ħaġa li ma kienetx tiġri f’pajjiżna qabel l-2013. Dan jindika kemm il-mudell ekonomiku li tħaddem fl-aħħar snin kien sostennibli, u ser ikompli jżid ir-riżorsi finanzjarji ta’ pajjiżna u mhux iżid id-dejn internazzjonali bħal fi snin passati.

Ekonomija

Sport