Sunday, October 5, 2025

Malta bl-aqwa livell ta’ kunfidenza fl-Ewropa… żieda ta’ 15% bejn Lulju u Awwissu skont il-Kummisjoni Ewropea

Aqra wkoll

Stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummisjoni Ewropea fost in-negozji u l-konsumaturi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jindika li matul Settembru pajjiżna kellu valur tal-indiċi ta’ sentiment ekonomiku ta’ 114, jew 14% aktar mill-medja storika. B’kuntrast madwar l-Ewropa l-kunfidenza hija 4% anqas mill-medja storika. Ir-riżultat osservat f’Malta huwa l-aħjar wieħed minn Settembru 2023’l hawn.

Filfatt f’pajjiżna f’Awwissu ta’ din is-sena s-sentiment ekonomiku kien 15% aqwa minn sena qabel, mentri madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm tnaqqis ta’ 1%. Malta bħalissa hija l-pajjiż bl-aqwa kunfidenza ekonomika madwar l-Ewropa, bis-setturi kollha b’sentiment pożitiv.

Fl-industrija, maġġoranza ta’ 35% tal-kumpaniji Maltin intervistati sostnew li fl-aħħar xhur kien hemm żieda fil-produzzjoni. Dan filwaqt li maġġoranza ta’ kważi 30% tal-azjendi qallu li qed jistennew li żieda aktar fiż-żmien li ġej minkejja s-sitwazzjoni nternazzjonali negattiva. Tant li s-sentiment ekonomiku fost l-azjendi tal-manifattura huwa ferm aqwa mil-medja storika, b’kuntrast għas-sitwazzjoni fil-bqija tal-Ewropa fejn hemm inkwiet kbir minħabba d-domanda esterna.

F’Malta s-sentiment fost il-familji huwa wkoll ferm aħjar mill-medja storika, u sinjifikament aqwa mill-medja Ewropea. Il-maggoranza tal-familji ntervistati sostnew li fix-xhur li ġejjin qed jistennew li tkompoli titjieb il-qagħda finanzjarja tagħhom filwaqt li anke se jżidu t-tifdil tagħhom minkejja li qed jirnexxielhom jagħmlu nefqiet kbar.  

Anke l-operaturi fis-settur tal-bejgħ huma ottimisti fuq is-sitwazzjoni, bis-sentiment kemxejn aħjar mill-medja storika, u ferm aħjar minn dak f’ħafna pajjiżi Ewropej. L-istess sentiment pożitiv jirrenja fis-settur tal-kostruzzjoni f’Malta, bis-sentiment jitla għal livell sostanzjalment ‘il fuq mill-medja storika. 

Fis-servizzi wkoll fix-xahar ta’ Awwissu kien hemm żieda qawwija fis-sentiment pożitiv ta’ kunfidenza, bil-maġġoranza tal-azjendi f’pajjiżna isostnu li kellhom żieda fl-attivita fl-aħħar xhur u din se tkompli tikber. Għaldaqstant l-aspettativi fost l-operaturi fis-settur kienu aħjar mill-medja Ewropea.

Fl-istess ħin madwar is-setturi kollha jidher li hemm aspettativa kbira ta’ żieda fl-impjiegi meta mqabbel mal-aspettativi f’xhur preċedenti. Filfatt statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed turi li bħalissa hawn numru rekord ta’ job vacancies, ta ‘l fuq minn 9,200 mpjieg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport