Stqarrija tal-agenzija Ewropea, il-Eurostat, innutat kif is-sena li għaddiet l-akbar żieda fl-ammont ta’ ljieli f’lukandi fl-Unjoni Ewropea kienet propju f’Malta. Dan hekk kif kien hemm żieda ta’ 10% f’pajjiżna, jew ħames darbiet iż-żieda osservata madwar l-Unjoni. Il-pajjiż bit-tieni l-akbar żieda kien il-Polonja, imma din kienet ta’ 7% biss, madwar terz anqas minn dik f’pajjiżna. Pajjiżi fil-Meditterran bħal Spanja, Franza l-Greċja u l-Italja kellhom żidiet qrib il-medja Ewropea, jiġifieri mank kwint ta’ dak li ġie osservat f’Malta.
Intant skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, sa’ Novembru pajjiżna ra żieda fin-nefqa turistika ta’ madwar nofs biljun ewro. Dan hekk kif in-nefqa turistika laħqet rekord ta’ €3.8 miljun, jew 15% aktar mis-sena ta’ qabel. B’kuntrast għal propaganda tal-Oppożizzjoni fl-2025 kien hemm titjib sostanzjali fil-kwalita ta’ turiżmu f’pajjiżna. Dan hekk kif in-nefqa ras għal ras ta’ kull turist kważi laħqet l-elf ewro.
Fl-ewwel ħdax-il xahar tal-2025, l-ammont ta’ turisti laħaq 3.8 miljun u dawn qattgħu 24 miljun lejl f’pajjiżna. L-akbar sors ta’ turisti baqgħet l-Unjoni Ewropea, imma l-aktar turisti li jonfqu ras għal ras huma dawk minn pajjiżi barra l-Unjoni, speċjalment turisti Amerikani. Għaldaqstant hemm stennija kbira fost l-operaturi fis-settur għall-bidu tat-titjiriet diretti mill-Istati Uniti għal pajjiżna.

