Friday, April 26, 2024

Malta bl-ewwel esportazzjoni tal-kannabis mediċinali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-industrija tal-kannabis mediċinali Maltija għamlet pass importanti għat-tkabbir tagħha hekk kif kumpanija lokali, il-“Materia Malta”, esportat l-ewwel konsenja fil-Ġermanja. Din il-kumpanija saret l-ewwel waħda li esportat kannabis mediċinali  għal finijiet kummerċjali lejn pajjiż ieħor. 

“Materia” hija kumpanija ewlenija fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kannabis mediċinali fl-Ewropa. Il-kumpanija sussidjarja Ġermaniza tad-distribuzzjoni, il-“Materia Deutschland GmbH” ħadet ħsieb din il-konsenja bil-baħar u diġà bdiet tbigħ il-prodott fl-ispiżeriji. Il-bejgħ tal-kannabis mediċinali fil-Ġermanja huwa suq li jmexxi tant li diġà bdew jidħlu l-ordnijiet għaliha.

Nick Pateras, id-Direttur ta’ Materia fl-Ewropa min-naħa tiegħu jemmen li pajjiżna se jkollu rwol importanti fil-katina ta’ provvista globali tal-kannabis mediċinali, hekk kif l-istess rwol ħaditu għal snin sħaħ fis-settur aktar wiesgħa tal-farmaċewtika. 

Il-Malta Enterprise kienet essenzjali biex tistabbilixxi u timbotta din il-fergħa ekonomika ġdida. Is-CEO tagħha, Kurt Farrugia, qal li, “dan huwa pass reali li jpoġġi lil Malta fuq il-mappa ta’ katina ta’ provvista sofistikata ta’ skala globali. Ħdimna bla waqfien biex niksbu dan ir-riżultat. Dan huwa mument li se jwassal għal fruntieri ġodda fis-settur tal-kannabis mediċinali”.

F’Malta għadd ta’ kumpaniji oħra qegħdin fil-proċess li jikbsu l-liċenzja biex jidħlu fl-industrija tal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali b’għan ta’ esportazzjoni. Il-Malta Enterprise approvat għadd ta’ proġetti startups relatati mar-riċerka u l-iżvilupp tal-cannabinoids, l-użu tagħhom għal finijiet terapewtiċi u l-proċess industrijali innovattiv relatat mal-kultivazzjoni u l-estrazzjoni. 

Minħabba d-daqs u l-fatt li aħna nilqgħu bi ħġarna opportunitajiet kummerċjalai, pajjiżna huwa meqjus bħala ideali biex issir riċerka. Il-Malta Enterprise tgħin ukoll b’pakketti finanzjarji u fiskali attraenti li bihom tassisti l-ftuħ ta’ kumpaniji, kif ukoll f’taħriġ ta’ talenti ġodda fl-industrija tal-kannabis mediċinali.

Sport