Sunday, November 24, 2024

Malta bl-orħos prezz tal-fjuwil fl-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Ċifri miġbura mill-Kummisjoni Ewropea u ippubblikati fil-Weekly Oil Bulletin maħruġ ta’ kull ġimgħa minnha jindikaw li Malta hija l-pajjiż bl-orħos prezz tal-petrol madwar l-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif filwaqt li l-prezzijiet tal-petrol madwar l-Ewropa żdiedu f’kull pajjiż, dawn baqgħu stabbli f’Malta. Dan filwaqt li l-prezz tad-diesel f’pajjiżna issa ilu diversi xhur li huwa l-anqas fl-Unjoni Ewropea. Biex b’hekk il-familji f’pajjiżna bħalissa huma dawk bl-anqas piż fil-ġimgħa fuq nefqa fuq fjuwil.

Fl-ewwel nofs ta’ Awwissu, propju fl-eqqel tal-istaġun tal-vaganzi, meta ħafna familji madwar l-Ewropa jaqbdu l-karozza u jaqsmu l-fruntiera lejn xi pajjiż ieħor, dawn sabu ma wiċċhom żidiet qawwija fil-prezz tal-fjuwil. Bħala medja fil-Belġju kull litru petrol ġie jiswa 7 ċenteżmi aktar milli kien fl-aħħar ta’ Lulju, biex il-prezz issa tela’ għal €1.84. Bħala medja fl-Italja l-prezz ta’ litru petrol tela’ għal €1.94, jew 4 ċenteżmi aktar milli kien ħmistax qabel.

Iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea jirrapportaw il-medja, hekk kif fl-Italja hemm prezzijiet li jaqbżu sew iż-żewġ ewro kif irrapportat fl-aħħar jiem fil-midja Taljana hekk kif il-prezz tal-fjuwil qed ikun meqjus bħala kriżi u tbatija kbira fuq in-nies.

L-ogħla prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea bħalissa huwa dak fl-Olanda fejn litru petrol jiswa €2.08, jew 74 ċenteċmu ogħla minn Malta. Fejn jirrigwardja d-diesel id-daqqa fil-prezz kienet saħansitra aktar b’saħħitha. L-Italja kien hemm żieda ta’ 8 ċenteżmi l-litru, biex il-prezz medju issa laħaq €1.83ċ. Fil-Belġju d-diesel żdied b’11-il ċenteżmu l-litru u issa jiswa bħala medja €1.89. L-agħar li marru imma huma fir-Repubblika Ċeka fejn litru diesel żdied b’16-il ċenteżmu fl-ewwel nofs tax-xahar. Fl-Ungerija ż-żieda kienet ta’ 13-il ċenteżmu. Xorta waħda dawn il-familji qed iħallsu prezz ferm anqas minn dak fl-aktar pajjiż bi prezz għoli tad-diesel, li huwa l-Iżvezja. Fl-Iżvezja litru diesel bħala medja jiswa €2.05, jew 84 ċenteżmu aktar minn f’pajjiżna.

Mindu sar Prim Ministru Dr Robert Abela, il-prezz ta’ litru petrol madwar l-Ewropa żdied b’medja ta’ 38 ċenteżmu, filwaqt dak ta’ litru diesel żdied b’36 ċenteżmu. Il-pajjiż bl-akbar żieda fil-prezz ta’ litru petrol minn Jannar 2020 ’l hawn kien il-Ġermanja, fejn kien hemm żieda ta’ 52 ċenteżmu l-litru. L-akbar żieda fil-prezz tad-diesel kienet ukoll fil-Ġermanja, b’żieda ta’ 47 ċenteżmu. B’kuntrast f’Malta l-prezz tal-petrol u d-diesel huma 7 ċenteżmi orħos milli kienu f’Jannar 2020. Anke fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja minn Jannar 2020 ’l hawn kien hemm żidiet qawwija fil-prezz tal-petrol u diesel, li illum jiswew madwar 23 ċenteżmi aktar milli kienu jiswew dakinhar.

Li kieku f’pajjiżna tħaddmet il-politika mħaddna mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li l-prezzijiet lokali jirriflettu dawk internazzjonali, kieku bħala medja kull min f’Jannar 2020 kien jonfoq €20 fil-ġimgħa fuq petrol, minflok illum qed jonfoq €25 fil-ġimgħa. Fl-istess waqt li kieku f’pajjiżna seħħ dak li tipproponi l-Oppożizzjoni, fuq diesel kieku min f’Jannar 2020 kien jonfoq €20 fil-ġimgħa illum qed jonfoq €26 fil-ġimgħa. Dan għaliex kieku illum minflok iħallsu €1.34 kull litru petrol kieku qed iħallsu €1.79, filwaqt li fuq diesel minflok €1.21 kull litru qegħdin iħallsu €1.64ċ.

Kieku minflok il-politika mħaddna mill-Gvern Laburista pajjiżna adotta l-politika tal-Oppożizzjoni, kieku f’dawn l-aħħar sentejn u nofs persuna li tixtri 15-il litru fjuwil fil-ġimgħa kienet tispiċċa tonfoq €514 aktar. Bil-politika Laburista tal-istabbilità fil-prezzijiet, din il-persuna fl-aħħar sentejn fil-fatt nefqet €3,567 fuq fjuwil jew medja ta’ €19 fil-ġimgħa. Bil-politika Nazzjonalista kienet tonfoq €4,081 fuq fjuwil, jew 14% aktar. Dan kollu apparti l-għajnuna kbira fil-prezzijiet tal-enerġija, f’azzjoni diretta li kull fejn jista’ l-Gvern iżomm l-inflazzjoni taħt kontroll tant li għal bosta xhur kienet fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea.

Sport