Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ipparteċipa fil-Porto Social Forum 2025, fejn f’diskussjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema wassal messaġġ dwar l-importanza ta’ aktar taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol aqwa, biex tkompli tissaħħaħ il-kompetittività fis-suq tax-xogħol.
Il-Forum, li ttella’ fil-Portugall, ġie ndirizzat mill-Prim Ministru Portugiż Luis Montenegro, mill-President tal-Kunsill tal-Ewropa António Costa, u mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Roxana Mînzatu.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li f’diskussjoni li għaliha attendew ministri tax-xogħol minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi, kien hemm qbil li biex ikollok kompetittività fis-suq tax-xogħol, irid ikollok drittijiet tal-ħaddiema b’saħħithom u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.
Fl-intervent tiegħu, Dr Ellul irrimarka illi l-Unjoni Ewropea m’għandiex tippromwovi dawk li sejjaħ ‘impjiegi ta’ kwalità’, għaliex fi kliemu għandu jiġi assigurat li kull impjieg ikun wieħed ta’ kwalità. Hawnhekk tkellem dwar in-National Employment Policy ta’ Malta, li qal ma tiffukax biss fuq l-impjiegi, iżda fuq il-ħaddiem innifsu.
Dr Ellul spjega li l-mira tal-Gvern Malti hi li jagħti lill-ħaddiema kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ pagi għola u kundizzjonijiet tax-xogħol imsaħħa.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul żied jgħid li s-sitwazzjoni ta’ full-employement f’Malta turi biċ-ċar li l-mod kif qed jaħdem il-Gvern qed iġib ir-riżultati meħtieġa f’dan is-settur tant importanti.
Dr Ellul irrikonoxxa l-passi importanti li ħadet l-Unjoni Ewropea biex tassigura ġustizzja industrijali, permezz ta’ direttivi dwar il-paga minima u l-‘platform workers’, u li miżuri bħal dawn komplew inaqqsu l-inġustizzji u jsaħħu l-protezzjoni tal-ħaddiema. Qal li Malta taqbel ma’ dawn il-miżuri u temmen ukoll li aktar drittijiet iwasslu għal suq tax-xogħol aktar ġust u inklussiv. Spjega iżda li dawn l-inizjattivi għandhom ikunu appoġġjati minn liġijiet b’saħħithom li verament imbagħad jagħmlu d-differenza.
Fil-Porto Social Forum, li kien mifrux fuq jumejn, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kellu l-opportunità wkoll illi jitkellem ma’ bosta Ministri oħra minn madwar id-dinja dwar dak li qed tagħmel Malta f’dan ir-rigward, b’messaġġ ewlieni illi kundizzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom, iwasslu dejjem għal suq tax-xogħol aktar ġust, aktar inkulssiv, u aktar reżiljenti.