Sunday, November 2, 2025

Malta b’piż tat-taxxi ferm inqas mill-medja Ewropea

Aqra wkoll

F’rapport estensiv fuq is-suġġett, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ikkonferma kemm il-piż tat-taxxi f’pajjiżna huwa ferm inqas mill-medja Ewropea. 

Dan hekk kif f’Malta l-Gvern jiġbor inqas minn 30 ewro minn kull 100 ewro ta’ ġid nazzjonali. B’kuntrast madwar l-Unjoni l-Gvern jieħu għalih kważi 41 ewro minn kull 100 ewro tal-ġid nazzjonali Ewropew. Dan ifisser li għal kull erbgħa ewro f’taxxi li jieħdu mill-ekonomija fl-Ewropa, f’Malta l-Gvern jieħu tliet ewro biss.

L-NSO sostnew li meta tħares lejn dawk it-taxxi li l-aktar jolqtu lill-ħaddiema, jiġifieri l-bolla u dwana u VAT, Malta qiegħda kważi fil-qiegħ nett tal-klassifika Ewropea ta’ piżijiet. Dan hekk kif il-piż tal-bolla f’Malta huwa l-24 mis-27 membri tal-Unjoni, mentri dak tal-VAT u dwana huwa s-26 mis-27 pajjiżi Ewropej. 

Fejn tidħol income tax fuq il-familji, pajjiżna fl-2024 ġa kien fit-13-il post, jiġifieri mal-medja Ewropea. Imma dan kien qabel il-baġit għall-2025 u dak li għaddu kemm ġie mressaq, liema budgets naqsu t-taxxi b’madwar 1% tal-ġid nazzjonali, biex issa huwa mistenni li anke fejn jidħlu taxxi fuq il-familji pajjiżna se jiġi fost l-inqas fl-Ewropa li jimponi piżijiet fuq il-poplu. 

Ta’ min ifakkar li fl-2012 il-piż tat-taxxi f’Malta kien madwar 32 ewro minn kull 100 ewro ta’ ġid nazzjonali. Dan jindika li anke qabel it-tax cuts record li saru fl-aħħar żewġ budgets, il-Gvern kien irnexxielu jnaqqas il-piż tat-taxxi b’2 ewro għal kull 100 ewro ta’ dħul fl-ekonomija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport