Wednesday, July 2, 2025

MALTA B’POTENZJAL FL-INDUSTRIJA TAL-FILMS

Aqra wkoll

It-tielet edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival ġiet fi tmiemha l-Ħadd li għadda b’ċelebrazzjoni mill-isbaħ li esponiet aktar il-potenzjal li għandha Malta fl-industrija internazzjonali tal-films.

Dan l-avveniment bla dubju serva ta’ vetrina biex din l-industrija f’pajjiżna tibqa’ tikber u tiffjorixxi. Il-fatt li Malta issa għandha l-ħila li tattira films, jawgura tajjeb għaż-żmien li ġej kemm bħala riklam turistiku għal pajjiżna u anke bħala kontribut li din l-industrija tista’ tagħti lill-ekonomija nazzjonali.

Quddiem dan kollu nirrikonoxxu l-fatt li din l-industrija għamlet żvilupp straordinarju, speċjalment mill-2018 ’l hawn, fejn matul dawn is-seba’ snin Malta laqgħet 169 produzzjoni tal-films, b’baġit kollettiv li jaqbeż is-€635 miljun.

Il-prestiġju ta’ dan il-festival joħroġ ukoll mill-fatt li pajjiżna qed ikompli jkabbar il-fama tiegħu li joffri pjattaforma lill-aqwa xogħlijiet ċinematografi Mediterranji u anke lil hinn. Apparti hekk, huwa ta’ sodisfazzjon li dan l-avveniment ġie rrapportat bi prominenza fil-midja internazzjonali anke minħabba l-preżenza ta’ diversi artisti u atturi rinomati li ġew f’pajjiżna.

Wieħed minn dawk li ġibed l-għajn kien bla dubju l-attur Russell Crowe, li fis-serata tal-Ħadd kien onorat bil-premju “Malta Film Legend”. F’dan l-avveniment huwa tenna li dak li jħobb dwar pajjiżna huwa kollox, saħansitra ddikjara li 26 sena ilu, waqt il-ġbid tal-blockbuster ‘Gladiator’ kien “sar raġel f’Malta.”

F’dan il-kuntest ukoll ninnutaw l-isforzi tal-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Maltija tal-Films biex jiġu attirati aktar produzzjonijiet lejn Malta iżda fuq kollox li jinħolqu aktar karrieri ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin f’din l-industrija.

Nemmnu li Malta għandha kapaċità li tilħaq l-għanijiet tagħha f’dan is-settur. Diġà nkisbu riżultati notevoli imma għad fadal xi jsir biex jintlaħqu l-miri ppjanati sabiex pajjiżna jkompli jeċċella f’dan il-qasam. Li hu żgur hu li dak li dawn ir-riżultati pożittivi qed joħolqu pedament sabiex ikollna industrija tal-films ta’ livell dinji f’Malta. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport