Ix-xogħol huwa l-mezz li bih il-ħaddiem jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum tiegħu, jikkontribwixxi lis-soċjetà u jintegra ma’ persuni oħra. Id-dinja tax-xogħol li tista’ tibda minn kif wieħed itemm il-vjaġġ edukattiv tiegħu u tibqa’ parti integrali minn ħajtu sax-xjuħija, tkompli sal-età tal-pensjoni.
Iżda, kemm għal raġunijiet personali, kif ukoll ekonomiċi u soċjali, il-waqfien mix-xogħol fl-età tal-pensjoni mhuwiex l-għażla ta’ kulħadd. Fil-fatt għandna perċentwal ta’ persuni li qegħdin jagħżlu li jkomplu jaħdmu wara li jsiru eliġibbli għall-pensjoni bl-età. Din it-tendenza qiegħda dejjem tikber u Malta rriżulta li għandha rata ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea
Abbażi l-LFS-UE li sar fl-2023, il-maġġoranza tan-nies ma ħadmux (22.4%) jew waqfu jaħdmu (64.7%) fl-Unjoni Ewropea matul is-sitt xhur wara li rċevew l-ewwel pensjoni tal-età. Interessanti huwa l-fatt li mit-total tal-persuni li waslu għal din il-pensjoni, 13% minnhom għażlu li jibqgħu jaħdmu. F’Malta din ir-rata rriżultat ogħla – 17.8%.
Ħafna anzjani li għadhom b’saħħithom, kapaċi u jridu jkomplu jaħdmu
Fir-rigward dan il-ġurnal tkellem mal-ġerantoloġista Anthony Agius Decelis biex nifhmu għala persuna li tista’, wara snin ta’ xogħol, tieqaf taħdem imma tagħżel li ma tagħmilx dan. Min-naħa tiegħu, Agius Decelis li l-professjoni tiegħu tmiss proprju mal-anzjani spega li, “illum l-ġurnata ma jfissirx li għax inti pensjonant, allura m’għandekx kapaċi għax-xogħol. Huma ħafna dawk l-anzjani li għadhom b’saħħithom, kapaċi u jridu jkomplu jaħdmu. Jien, bħala ġerantoloġista, inħeġġeġ lil dawk kollha lI jridu jkomplu jaħdmu, biex jagħmlu dan”.
Filwaqt li fakkar li l-Gvern ta inċentivi lil dawk li jagħżlu li jkomplu jaħdmu fejn jekk jagħmlu hekk, anke tiżdidilhom il-pensjoni li jieħdu, Anthony Agius Decelis spjega wkoll li, “jekk persuna għandha ‘l fuq minn 65 sena, il-Gvern kompla għolla is-sealing tat-taxxa biex l-anzjani li jkomplu jaħdmu u jdaħħlu iktar flus. Bolla ma jibqgħux iħallsu u taxxa taqbadhom inqas. Dan biex inħeġġu aktar anzjani minn tagħna jkomplu jkunu attivi anke fil-qasam ekonomiku lokali”.
L-istatistika aktar fid-dettall…
Fost dawk il-persuni li komplew jaħdmu wara l-pensjoni tal-età, mill-istatistika tal-Eurostat jirriżulta li madwar nofshom komplew bħal qabel filwaqt li għan-nofs l-ieħor, kien hemm bidliet fosthom tibdil fl-impjiegi, inqas sigħat ta’ xogħol, jew xogħol fit-tieni impjieg waqt li kien qiegħed jitwaqqaf l-ewwel impjieg.
L-ogħla sehem ta’ persuni li komplew jaħdmu nstab fil-pajjiżi Baltiċi. Dawn huma fl-Estonja (54,9 %), fil-Latvja (44,2 %) u fil-Litwanja (43,7 %). Filwaqt li, l-inqas sehem ġie rreġistrat fir-Rumanija (1,7 %), fil-Greċja (4,2 %) u fi Spanja (4,9 %).
Ir-raġunijiet ewlenin għan-nies biex ikomplu jaħdmu wara li jirċievu pensjoni kienu minħabba li jieħdu pjaċir imorru x-xogħol u jkunu produttivi. Dan ġie ddikjarati minn 36.3% tan-nies. Oħrajn, 28.6%, qalu li għamlu dan minħabba bżonn ta’ natura finanzjarja.
Id-Daniżi l-aktar li komplew… Għax jieħdu gost jaħdmu
Mentri r-raġuni ewlenija fiċ-Ċipru kienet il-ħtieġa finanzjarja
Ix-xewqa li tinżamm l-integrazzjoni soċjali rriżultat fi 11.2% tal-persuni li baqgħu jaħdmu wara l-pensjoni u l-attraenza finanzjarja tax-xogħol kienet ir-raġuni ta’ 9.1%. Issemmew ukoll raġunijiet bħala għat-tkomplija tax-xogħol mentri, proporzjon iżgħar, jiġifieri 3,5 %, qalu li komplew jaħdmu minħabba li s-sieħeb jew sieħba tagħhom kienu għadhom impjegat.
Id-Danimarka b’perċentwal ta’ 61.0 %, l-Olanda (59.6 %) u l-Italja (51.7 %) kellhom l-ogħla rata ta’ persuni li komplew jaħdmu minħabba li jieħdu gost jaħdmu. B’kuntrast ma’ dan, l-inqas proporzjon ta’ persuni li rrapportaw din ir-raġuni kien fi Spanja bi 17.9 %, f’Ċipru (19.1 %) u fis-Slovakkja (20.4 %).
Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa finanzjarja kienet ir-raġuni ewlenija biex wieħed ikompli jaħdem f’Ċipru (68.6 %), fir-Rumanija (54.3 %) u fil-Bulgarija (53.6 %). Filwaqt li l-Iżvezja (9.4 %), iċ-Ċekja (12.4 %) u l-Lussemburgu (14.4 %) irreġistraw l-aktar sehem baxx.