F’Malta, il-fenomenu tat-twelid qabel iż-żmien, magħruf bħala preterm birth, jolqot madwar sitt sa seba’ minn kull mitt twelid. Matul dawn l-aħħar snin, dan in-numru baqa’ relattivament stabbli hekk kif fil-pajjiż ksibna riżultati perinatali pożittivi u sar titjib fil-kwalità tal-kura neonatali. Iżda, għal dawk il-ġenituri li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjojni, l-istatistika tinbidel f’realtà iebsa li tibda fil-kura intensiva tat-trabi (NICU) u tkompli wara fil-ħajja ta’ kuljum fid-dar.
Riċerka lokali turi kif il-pass mill-NICU għad-dar huwa fost l-aktar stadji emozzjonalment diffiċli. Ħafna drabi l-ġenituri milquta jgħaddu minn fażijiet kontrastanti ta’ tama, biża’ u tħassib. B’mod parallel dawn iridu jaraw kif jerġgħu jmorru għar-rutina normali wara esperjenza mhux faċli bħal din. Esperjenza li ġġib magħha inċertezzi kif ukoll tibdil f’relazzjonijiet intimi u anke personali.
F’dan il-kuntest, il-Jum Internazzjonali tat-Twelid Prematur iċċelebrat ta’ kull sena bħal-lum 17 ta’ Novembru, għandu l-għan li jwassal għarfien u jinstiga azzjoni, investiment u solidarjetà. Jistedinna lkoll għal mument ta’ riflessjoni.
Magħqudin f’messaġġ ta’ tama…
Binjiet mixegħula vjola
Dan il-jum ta’ għarfien globali ddedikat għat-trabi mwielda qabel iż-żmien u għall-familji tagħhom, ifakkarna fid-diffikultajiet li jġib miegħu t-twelid qabel iż-żmien – minn kundizzjonijiet mediċi għall-impatti soċjali u emozzjonali. Il-kulur uffiċjali tal-ġurnata huwa l-vjola, sinjal ta’ tama, saħħa u appoġġ. Madwar id-dinja kollha binjiet pubbliċi, monumenti u organizzazzjonijiet jiddawlu b’dan il-kulur bħala messaġġ ta’ għaqda.
Dan il-Jum huwa importanti mhux biss bħala solidarjetà u għarfien. Huwa importanti għax twelid prematur għandu impatt globali serju. Fil-fatt ta’ kull sena madwar id-dinja, kważi 15-il miljun tarbija jitwieldu qabel iż-żmien b’rata ta’ wieħed minn kull għaxra. Ħafna minn dawn it-trabi jkollhom bżonn kura intensiva minnufih u xi wħud jibqgħu jiffaċċjaw sfidi fit-tul li jinkludu problemi respiratorji, diffikultajiet fl-iżvilupp u vulnerabbiltà medika persistenti.
Il-ġenituri jgħaddu mill-istess diffikultajiet…
Esperjenzi ta’ ġenituri li qasmu l-istorja tagħhom fil-midja soċjali juru realtajiet li jmorru lil hinn mill-isptar. Iddeskrivew sens li għalihom il-ħin qisu waqaf, sens ta’ tama u telf fl-istess ħin, kif ukoll ġranet twal fl-isptar u ansjetà kbira dwar il-futur. L-NICU ssir “it-tieni dar” tagħhom b’perjodi jvarjaw minn ġimgħat għal xhur. Jistqarru li anke meta jasal il-mument li jmorru lura lejn id-dar, it-tħassib jibqa’.
Dan il-Jum Internazzjojnali jpoġġi pressjoni pożittiva fuq il-pajjiżi biex itejbu:
- il-prevenzjoni waqt it-tqala;
- l-istruttura u kwalità fl-NICU;
- l-appoġġ lil ommijiet u missirijiet; u
- l-għodod għall-follow-up fit-tul fit-tkabbir u l-iżvilupp.
X’għandna nagħmlu bħala pajjiż?
F’Malta l-kura tat-twelid hija b’saħħitha u kompetenti. Pajjiżna joffri mhux biss servizz tajjeb, iżda wkoll esperjenza umana aktar ġentili. F’dawn l-aħħar snin l-investiment fil-qasam tas-saħħa kien bla preċedent. Bil-għan li jitnaqqas ir-riskju f’dan il-Jum jiżdied l-għarfien għal aktar programmi edukattivi u ta’ prevenzjoni, sostenn prenatali, monitoraġġ aktar mirqum waqt it-tqala u infurzar ta’ miżuri tas-saħħa pubblika.
Bħal soċjetà nistgħu nintegraw ukoll aktar appoġġ emozzjonali. Il-ġenituri ma jistgħux jitħallew jimxu waħedhom f’mumenti inċerti bħal dawn. Servizzi ta’ counselling, gruppi ta’ appoġġ, kif ukoll linji ta’ għajnuna jistgħu jkunu parti mill-pakkett bażiku ta’ kura.
F’din il-ħidma, għandha tingħata vuċi lit-tfal imwielda qabel iż-żmien. Dan għax dawn it-trabi għandhom potenzjal enormi. B’kura tajba u ambjent stabbli jistgħu jikbru, jiżviluppaw u jilħqu l-għanijiet tagħhom bħall-oħrajn. Importanti li fi ġranet bħal dawn insaħħu wkoll l-għarfien pubbliku. Aktar għarfien iwassal għal aktar empatija, aktar solidarjetà u aktar appoġġ għall-familji milquta. Din mhiex biss sfida medika imma, fl-aħħar mill-aħħar hija sfida soċjali.
Il-Jum Internazzjonali tat-Twelid Prematur ifakkarna li kull tarbija, anke dawk li jaslu “qabel iż-żmien”, jistħoqqilhom l-aħjar bidu possibbli. Fis-17 ta’ Novembru għandna nifhmu li t-twelid qabel iż-żmien mhuwiex biss statistika imma huwa mument li jista’ jibdel ħajja.

